Skwadra ta’ madwar sebgħin espert forensiku mill-Olanda u l-Awstralja sabu l-fdalijiet tal-bnedmin fl-inħawi tal-Ukrajna tal-Lvant fejn kien iġġarraf l-ajruplan tal-Malaysia Airlines, fis-17 ta’ Lulju li għadda.
L-iskoperta saret meta l-esperti kienu għaddejjin bl-ewwel jum ta’ investigazzjonijiet f’din iz-zona u wara li skwadri oħrajn, jiem ilu, kienu sabu l-fdalijiet ta’ 227 fost il-298 vittma li tilfu ħajjithom fit-tiġrif ta’ Titjira MH17 u li, imbagħad, twasslu lejn l-Olanda għall-identifikazzjoni.
Sadanittant, kompla l-ġlied fl-Ukrajna tal-Lvant bejn il-qawwiet tal-Gvern Ukren u l-militanti separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja. Dan fost rapporti dwar il-qtil, nhar il-Ħamis, ta’ għaxar suldati Ukreni oħra waqt battalji kontinwi.
Il-ġlied, sa jiem ilu, kien qed jagħmilha impossibbli biex l-investigaturi barranin imorru fl-inħawi fejn kien niżel l-ajruplan, tat-tip Boeing 777, u jmexxu l-investigazzjonjiet relevanti.
L-indikazzjonijiet huma li l-ajruplan twaqqa minn missila li kienet sparata lejh u waqt li hu kien qed itir fuq iz-zona waqt vjaġġ minn Amsterdam, fl-Olanda, lejn Kuala Lumpur, fil-Malasja. Intant, ma salva ħadd fost il-298 passiġġiera u l-membri tal-ekwipaġġ ta’ fuqu.
Fl-istess ħin ma kienx ċar jekk is-sit tat-tiġrif hux ikkontrollat mill-membri tal-Armata Ukrena inkella mill-militanti separatisti u meta l-ġlied qed ikompli fil-viċinanzi.
//= $special ?>

