Jista’ jkun li għad fadal il-katavri ta’ mill-inqas tmenin fost il-vittmi tal-ajruplan Malasjan li ġġarraf ix-xahar li għadda fl-artijiet tal-Ukrajna tal-Lvant. Din l-aħbar qed toħroġ fi żmien meta l-Punent jinsab irrabjat ferm talli r-Russja qiegħda ttellef l-investigazzjoni tat-tiġrif tat-Titjira MH17.
L-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-Awstralja akkużaw lir-Russja talli qed tipprovdi l-armi lill-militanti separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant, li qegħdin jiġġieldu għall-għaqda ma’ Moska. Dan fost is-suspetti kbar li dawn il-militanti kienu sparaw missila lejn l-ajruplan biex jeqirduh, bir-riżultat li mietu l-298 persuna kollha li kienu fuqu.
Il-Ministru Awstraljan għall-Affarijiet Barranin, Julie Bishop, għamlitha ġara li l-akbar biża’ tagħha hu li r-Russja qed tagħmel li tista’ biex ittellef l-investigazzjonijiet fis-sit tat-tiġrif. Fl-istess ħin, Bishop żvelat li jista’ jkun hemm il-fdalijiet ta’ għexieren ta’ mejtin mit-Titjira MH17 mifruxin madwar it-territorju Ukren li hu kkontrollat mis-separatisti.
Esperti tal-Pulizija mill-Olanda u l-Awstralja ilhom din l-aħħar ġimgħa jippruvaw jilħqu l-artijiet Ukreni fejn jaħsbu li għad fadal il-katavri tal-vittmi tal-ajruplan, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu Olandiżi, Malasjani, Awstraljani u Britanniġi. Madankollu, il-pjanijiet tagħhom spiġġaw posposti għal diversi drabi minħabba l-ġlied intensiv fir-reġjun, fejn l-Armata tal-Ukrajna qed tipprova taħtaf lura l-bliet ikkontrollati mill-militanti separatisti.
//= $special ?>

