Internazzjonali

L-Ebola qed tinfirex ‘malajr wisq’

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Margaret Chan, qalet li l-epidemija tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent qed tinfirex aktar malajr mill-effetti tal-isforzi intiżi biex jikkontrollawha.

Chan, li kienet qed titkellem fil-Guinea waqt summit għall-mexxejja reġjonali, qalet li jekk huma jfallu milli jrażżnu l-Ebola r-riżultat għandu jkun wieħed ‘katastrofiku’ f’termini ta’ ħajja mitlufa.

Madankollu, hi kompliet li dan il-virus, li minn Frar ‘il hawn qatel ‘il fuq minn 720 persuna f’erba’ pajjiżi Afrikani, jista’ jkun ikkontrollat f’każ li jittieħdu l-miżuri xierqa. Intant, hi temmen li l-laqgħa fil-Guinea għandha titqies bħala żblokk definittiv fil-mod kif l-awtoritajiet iridu jikkonfrontaw il-virus qattiel.

L-Ebola toqtol mad-disgħin fil-mija tan-nies li jispiċċaw infettati biha u sallum għad m’hemmx kura għaliha.

Is-summit talbieraħ li sar fil-belt ta’ Conakry inawgura strateġija ġdida għal kontra l-virus u li jiswa mal-75 miljun ewro. F’Conakry kienu preżenti anki l-Mexxejja tal-Guinea, il-Liberja u Sierra Leone, li huma l-agħar tliet pajjiżi affettwati mill-epidemija.