Żdiedet l-ansjetà li l-virus qattiel tal-Ebola aktar ’il quddiem jista’ jfeġġ fir-Renju Unit wara li l-esperti wissew li l-mikrobu kapaċi jinfirex madwar il-pajjiżi permezz tal-laħam.
Skont il-professuri, l-hekk imsejjaħ ‘bush meat’ li ddaħħal illegalment fir-Renju Unit jista’ jkun infettat bil-virus li diġà qatel, mill-inqas, 672 persuna fil-Punent tal-Afrika.
Xjenzjat qal li l-laħam ikkontaminat jista’ jispiċċa għall-bejgħ f’wieħed mis-swieq ta’ Londra u l-awtoritajiet f’dan il-pajjiż jinsabu fuq stat ta’ allert għoli għall-iċken ħjiel tal-virus.
L-esperti qegħdin jibżgħu li eluf ta’ biċċiet tal-laħam li ddaħħlu fir-Renju Unit u li nbiegħu illegalment, kull sena, lil diversi ħwienet u swieq setgħu kienu kkontaminati bil-virus tal-Ebola, li joqtol sa 90 fil-mija tal-vittmi.
Filwaqt li l-laħam ta’ spiss ikun għadda taħt it-tikketta taċ-ċanga, sar magħruf li dan, diversi drabi, ikun il-laħam tal-annimali slavaġ li jinkludu speċi partikulari ta’ chimpanzee, friefet il-lejl u anki ġrieden.
Il-Professur Robert Dingwall, li hu espert dwar il-mard li jittieħed ma’ Nottingham Trent University, qal li ħafna mill-annimali slavaġ iġorru l-virus tal-Ebola u li l-‘bush meat’ ta’ spiss ikun ippreparat u msajjar ħażin. Għaldaqstant, hu ma jeskludix il-possibbiltà li l-laħam ta’ dan it-tip li kkawża l-epidemija kapaċi jispiċċa f’suq f’Londra.
Jingħad li madwar 55 fil-mija tas-7,500 tunnellata ta’ laħam illegali li jidħol fir-Renju Unit kull sena huwa ‘bush meat’, Dan il-laħam, intant, ikun imqassam mill-bejjiegħa bl-ingrossa inkella mis-swieq lokali.
//= $special ?>

