Wara li l-union tat-tobba, il-Medical Association of Malta (MAM) ħabbret li rreġistrat tilwima industrijali mal-Ministeru tas-Saħħa, Claudio Grech, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa appella biex il-MAM tikkunsidra l-azzjonijiet li tieħu biex ma jbatux il-pazjenti.
F’kummenti lil In-Nazzjon Caludio Grech qal li din il-kwistjoni eskalat minħabba li l-Gvern ma kienx qed jikkonsulta kif kellu jikkonsulta mal-MAM. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista hu inkwetat l-aktar għax jidher li l-azzjonijiet li se tieħu l-MAM jistgħu ikollhom impatt fuq il-pazjent. Hu appella lil MAM tikkunsdira li l-azzjonijiet li se tieħu ikunu meqjusin u ma jkunux azzjonijiet li jippreġudikaw il-pożizzjoni tal-pazjenti. Hu qal li l-pazjenti żgur li m’għandhom l-ebda tort f’din it-tilwima.
Claudio Grech fakkar li din il-kwistjoni nqalgħet għax il-Gvern ilu jkaxkar saqajħ biex jimplimenta bis-sħiħ il-ftehim kollettiv miftiehem mat-tobba sena u nofs ilu mill-gvern Nazzjonalista.
Hu qal li dan il-ftehim kollettiv jagħti mhux biss il-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lit-tobba għax huma għandhom rwol essenzjali fis-settur tas-saħħa, imma wkoll joffri servizzi tas-saħħa ħafna aktar estensivi fosthom li l-konsulenti fl-Isptar Mater Dei jistgħu jibqgħu jaraw lil pazjenti sat-8 p.m li permezz t’hekk is-settur tas-saħħa jista’ jmur aktar ‘il quddiem. Hu qal li l-PN ma jistax jifhem għaliex hemm dan it-tkaxkir tas-saqajn mill-Gvern u jappella lil Gvern jiddiskuti mal-MAM biex ikun evitat kull impatt fuq il-pazjenti.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar is-Saħħa qal li l-Oppożizzjoni se tkompli tħaddem politika ta’ kunsens dwar is-saħħa u fakkar li fix-xhur li għaddew l-Oppożizzjoni mhux biss tkellmet dwar politika ta’ kunsens, imma wkoll aġixxiet b’dak il-mod. Hu qal li l-Oppożizzjoni beħsiebha tkompli taġixxi b’kunsens u se tkompli tressaq aktar proposti, imma l-kunsens irid jiġi miż-żewġ naħat. Caludio Grech qal li l-Oppożizzjoni mhix tgħid li se taċċetta kulma jgħid il-Gvern, imma trid li jkun hemm kollaborazzjoni.
Claudio Grech qal li sfortunatament il-Gvern qed jagixxi b’attitudni negattiva għal mistoqsijiet Parlamentari li qed isiru mill-Oppożizzjoni dwar is-saħħa u mhix tagħti risposti għal dawn il-mistoqsijiet. Hu awgura li meta jerga’ jiltaqa’ l-Parlament f’Ottubru li gej, din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż tkun rispettata biex l-Oppożizzjoni tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>