Is-sewwieq tar-Red Bull Daniel Ricciardo qal li hu lest biex jisfida lill-koppja tal-Mercedes Lewis Hamilton u Nico Rosberg għar-rebħ tat-titlu. Dawn it-tnejn tal-aħħar iddominaw san-nofs tal-istaġun u Rosberg qiegħed jokkupa l-ewwel post u għandu vantaġġ ta’ 11-il punt fuq Hamilton. Ricciardo qiegħed 71 punt taħt Rosberg u 60 taħt Hamilton. Għal tmiem il-kampjonat fadal 225 punt x’jintrebħu u dan minħabba s-sistema ta’ punti doppji fl-aħħar Grand Prix ta’ Abu Dhabi.
“Min qed jgħid li t-tellieqa għar-rebħ tat-titlu hi diġa’ mitmuma qiegħed biss jagħti ka] il-wirjiet tal-Mercedes. Meta t-tlielaq saru f’kundizzjonijiet normali il-Mercedes ma sabuwhiex diffiċli biex jirbħu imma meta kien hemm temp xitwi u meta ħarġu s-safety cars kulħadd ra b’għajnejh li r-rebħa tista’ tmur kull naħa,” qal Ricciardo. Is-sewwieq Awstraljan hu l-uniku sewwieq minbarra Rosberg u Hamilton li dan l-istaġun rebaħ tellieqa. Fil-fatt hu rebaħ tnjen u fl-ewwel sena tiegħu mar-Red Bull qed ikollu wirjiet ferm aħjar minn dawk ta’ sieħbu u taċ-champion Sebastian Vettel.
L-ewwel rebħa tiegħu waslet fit-8 ta’ Ġunju fil-Kanada fiċ-ċirkwit ta’ Montreal filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa Ricciardo rebaħ il-Grand Prix tal-Ungerija. Minn naħa tagħhom, Rosberg rebaħ erba’ tlielaq filwaqt li Hamilton rebaħ ħamsa.
“Realistikament, hu diffiċli biex nirbaħ it-titlu imma matematikament għad għandi ċans. Bis-sistema tal-punti doppji fl-aħħar GP kollox se jjkun deċi] aktar tard mis-soltu. Nittama li sal-aħħar tellieqa nkun għadni biċ-ċans li nisfida għar-rebħ tat-titlu. Jekk le, nipprova nġib kemm jista’ jkun punti fl-aħħar GP biex ngħin lit-tim fil-klassifika tal-kostrutturi,” temm jgħid Ricciardo.
//= $special ?>