Raġel ta’ 46 sena minn Ħal Qormi ntbagħat sena ħabs mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li nstab ħati li fl-2009 laqa’ għandu diversi ħwejjeġ misruqin, partikolarment ‘kaxxa’ ta’ vann u oġġetti ta’ valur għad-dannu ta’ Edilton Sciberras. Il-Qorti waslet għall-piena ta’ sena priġunerija wara li qieset ukoll il-fatt li Raymond Xerri għandu kondotta xejn nadifa fuq diversi każi oħra li kellu u li tagħhom instab ħati. Il-Qorti qalet li “biżżejjed jingħad li jirriżulta li fuq il-kondotta tiegħu għandu rreġistrat 15-il reat u ngħata diversi opportunitajiet biex jirranġa għemilu bis-sentenzi mogħtija.
Dawn is-sentenzi nkludew dik ta’ libertà bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reati oħrajn, ordnijiet ta’ probation, sentenzi sospiżi u anke multi. Iżda minkejja dan kollu, “hu baqa’ għaddej bil-ħajja ta’ kriminalità”. Ix-xhieda prinċipali f’dan il-każ kien il-vittma nnifsu, li kkonferma fil-Qorti li fl-10 ta’ Frar 2009 kien vittma ta’ serqa, li fiha nsteraqlu vann tal-għamla Isuzu Elm b’lewn abjad. Il-vann kien insteraq mill-garaxx tiegħu fiż-Żurrieq u kellu wkoll tinda mwaħħla miegħu u oġġetti oħrajn ta’ valur li bejn wieħed u ieħor jiswew €25,000.
Mill-vann kienu nsterqu kaxxa tal-pjanċi li kienet bil-purtiera tal-kanvas, li qal li kien ħadimha għand wieħed imlaqqam “Il-Mażina” minn Ħaż-Żebbuġ. Hu kien muri diversi ritratti u kkonferma li l-kaxxa kien ordnaha hu u ġiet maħduma għalih. Sciberras spjega fid-dettal il-partikolaritajiet li kellha din il-kaxxa li ma tħalli ebda dubju, qalet il-Qorti, li din kienet tiegħu. Waqt il-provi, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Carlos Cordina qalet lill-Qorti li ppruvat il-każ tagħha meta Sciberras identifikaha u ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, qalet il-Qorti, Raymond Xerri qal li hu kien xtara il-kaxxa tal-vann minn fuq l-idejn mingħand persuna li ma jafx min hi. Qal li ma kellux irċevuta biex jissostanzja dan kollu u li ma jafx x’inhu l-valur ta’ kaxxa simili, iżda jaf biss li għaliha ħallas €500. Mistoqsi jiddeskrievi fejn kienet imwaħħla din l-kaxxa, Xerri qal li hu jaf li kien xtraha minn fuq vettura tat-tip Dodge b’lewn kaħlani u xejn aktar. Għaldaqstant, meta semgħet dan kollu, il-Qorti qalet li m’hemmx dubju li l-akkuża li Xerri laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa kienet ippruvata, kif hu ppruvat ukoll li sar reċidiv.
//= $special ?>

