Joseph Francis Scerri, ta’ 52 sena u li kien jaħdem bħala clerical hardware technician mal-bank HSBC u li hu minn Birkirkara, ġie kkundannat sentejn u ħames xhur ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Claire Strafrace Zammit li kkommetta frodi fuq diversi membri tal-istess familja u anke persuna oħra. Il-Prosekuzzjoni pproduċiet ċ-ċifri li vittmi investew mal-ħati u li jlaħħqu l-€1 miljun. Paul Schembri waħdu kien investa madwar €900,000. Sfortunatament Schembri miet waqt li kienet għaddejja l-kawża.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li Scerri kien jaf li qed jiffroda persuni ta’ intelliġenza baxxa u ta’ ftit skola u għalhekk dawn kienu aktar suġġetibbli jaqgħu fin-nassa tiegħu. Minn stħarriġ li kienet għamlet il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Anne Marie Xuereb, irriżulta li Schembri kien laħaq investa ma’ Scerri €558,067, £192,041 u $93,795. Min-naħa tagħha, Emanuela Schembri, li tiġi oħt Paul, qalet li ħuha kien introduċiha ma’ Scerri u ħajjarha tinvesti. Dan wara li hu kien ġie ntrodott ma’ Scerri minn ċertu Mario Gauci. Emanuela Schembri qalet li kienet tat lil Scerri bejn €65,000 u €70,000.
L-akkużat kien qalilha li l-flus kien se jinvestihom fl-Empire State, iżda minn dawn l-investimenti la qatt rat kapital u wisq anqas imgħaxijiet, filwaqt li hu kien dejjem iġib ħafna skużi. Paul Schembri kkonferma x’kienet xehdet oħtu u qal li f’Mejju 2010 kien iltaqa’ ma’ Scerri permezz ta’ Mario Gauci u dan ħajru jinvesti miegħu għax Gauci kien diġà nvesta miegħu. Qal li dakinhar stess kien diġà tah €25,000, ġimgħa wara tah €15,000 u Scerri kien dejjem iserraħlu rasu li l-investiment tiegħu kien fis-sod u li kien se jeħodhom lura. Kien jgħidlu li l-investimenti tal-Empire State kienu mferrxin mad-dinja kollha.
Meta Schembri kien jgħidlu jekk jistax jinvesti xi mkien ieħor biex ma jkollux kollox f’basket wieħed, hu pproponielu li jinvesti fid-Djoċesi u fix-Chevron, b’Scerri kien dejjem jgħidlu li kien se jġibhom wara sentejn. Schembri kkonferma li ta lil Scerri ħlasijiet fuq medda ta’ sentejn u wara li għaddiet sena u ma ra xejn mill-imgħax, Scerri ikkonvinċieh jistenna sena oħra għax l-interessi miġbura kienu se jiġġeneraw aktar interessi u Schembri emmnu. Wara, Paul Schembri beda jitkixxef fuqu u kulħadd beda jgħidlu biex ma jafdax lil Scerri.
Minn hemm, hu sar jaf bl-inganni ta’ Scerri u li ċ-ċertifikati esebiti u indikati kien għamilhom Scerri stess. Joseph Schembri, li wkoll jiġi ħu Paul, qal li kien investa b’kollox €30,000. Qal li Scerri kien wegħdu imgħaxijiet bi 13% u 15%.
Min-naħa tiegħu, Mario Gauci qal fil-Qorti li hu kien il-persuna li sar jaf lil Scerri l-ewwel, meta l-akkużat kien imur fil-ħanut ta’ Gauci u kien ħajjru jinvesti miegħu. Dan qal li għall-ewwel kien jagħtih lura l-investimenti tiegħu, iżda wara ċertu żmien kien waqaf u fi kliemu “ġarrli kollox, kaxkarni ħaj”. Gauci qal li Scerri kien ħajjru wkoll biex iġiblu aktar nies jinvestu għandu u hu ġablu lil Paul Schembri. Sadanittant, rappreżentant ta’ Bank of Valletta xehed fil-Qorti u qal li kien hemm djun dovuti lill-bank mingħand Scerri u dawn kienu ta’ €79,271, filwaqt li kien hemm tliet freezing orders kontra l-istess Scerri.
Xehed ukoll Alan Magro, li għamel żmien sħab fin-negozju tal-karozzi ma’ Scerri. Hu qal li kien iltaqa’ miegħu permezz tal-mara tiegħu, li staqsietu biex xi drabi jieħdu miegħu l-Ingilterra ħalli jixtru l-karozzi. Qal li kien hemm diversi drabi li ġabu l-karozzi bi sħab, iżda qatt ma ħa sehemu f’dan in-negozju. Magro qal li r-relazzjoni tagħhom fin-negozju damet biss madwar erba’ xhur meta darba minnhom kienu marru xi persuni x-showroom ta’ Magro, irrabjati għal Scerri, u minn dakinhar ma rahx aktar.
Mill-provi rriżulta wkoll li Paul Schembri, li kien jaf lil Scerri għax kien mill-istess raħal, avviċinah biex jinvestilu xi flus. Dan kien mingħalih li l-flus kien qed jinvestihomlu fil-Bank tal-Vatikan u f’kumpanija taż-żejt fl-Ingilterra u f’Dubaj.
Joseph Francis Scerri, li kien diġà rtira mill-bank tliet snin qabel ma seħħ il-każ, kien ġej minn ambjent ta’ banek u l-vittmi kienu fdawh bi flushom miegħu. Irriżulta li Scerri kien iffabbrika ċertifikati foloz u anke ittra mingħand ċertu Professur Alberto Cerrutti, li suppost kien qed jirrappreżenta lill-investimenti tal-Empire State Buildings, li fuqhom hemm id-dettalji ta’ Paul Schembri. Mal-istejjer li kien jgħid lil Schembri, Scerri kien ukoll jirrakkontalu li kien se jiftaħ bank f’Tas-Sliema, tant li wrieh ukoll il-pjanti tiegħu, kif ukoll li kien se jkollu investimenti fil-proġett tal-mina bejn Sqallija u Malta.
Irriżulta wkoll li meta Schembri kellu xi investiment li kien se jagħlaq, dawn investihom ma’ Scerri. Meta l-Pulizija kienu kellmu lil ċertu Mario Agius biex jispjega l-involviment tiegħu fl-operazzjoni, hu qal li kien jaħseb li Scerri u Schembri kienu sħab.
Sadanittant, l-akkużat instab ħati wkoll ta’ ħasil ta’ flus. Waħda mill-vittmi, Maria Concetta Cefai, kienet ilha skrivana mal-bank għal aktar minn 30 sena u kien jonqosha biss ftit xhur biex toħroġ bil-pensjoni meta Scerri kien mar il-bank u talabha ssarraflu numru ta’ ċekkijiet, li kienu jammontaw għal €58,000. Jidher li minħabba li kien eks ħaddiem tal-HSBC, hi fdatu u sarrfithom. Madankollu, dawn iċ-ċekkijiet wara rriżulta li kienu foloz. Minħabba dan, Cefai tilfet l-impjieg tagħha u anke d-dritt ta’ pensjoni ta’ €60,000.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset il-fatt li Alan Magro ma kellu l-ebda kliem ta’ tifħir għal Scerri, anzi hu stess pinġieh bħala persuna li ma tistax tafdah u li għad għandu jagħtih il-flus minħabba xi negozju tal-karozzi li kellhom flimkien. Għal Scerri deher l-Avukat Mark Busuttil.
//= $special ?>
