Somalu ta’ 18-il sena, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far ingħata sentenza sospiża talli ħarab minn Malta. Said Burhan Mohamed minn Mogadishu, li ħarab minn Malta billi uża passaport falz.
Mill-provi rriżulta li s-Somalu ħarab bil-katamaran, u baqa’ sejjer san-naħa ta’ fuq ta’ l-Italja. Aktar tard kien qabad ajruplan lejn il-kapitali Irlandiża, Dublin. Kien hemm li Mohamed inqabad mill-uffiċjali tal-immigrazzjoni fejn irriżulta li kellu dokumenti foloz.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale ikkundannat lis-Somalu erba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Ħareġ ukoll mill-provi li l-awtoritajiet Irlandiżi nfurmaw lill-awtoritajiet Maltin bil-każ, bid-Dipartiment tal-Immigrazzjonoi jagħmel il-verifikazzjonijiet tiegħu.
Is-Somalu kien ukoll identifikat mill-marki tas-swaba tiegħu qabel ma ntbagħat lura lejn Malta. Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-ħati kkopera mal-Pulizija, iżda ġie mwissi li kien qed jingħata l-aħħar opportunita’ biex ma jikkommettix reat ieħor. L-Ispettur Darren Buhagiar mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech deher għas-Somalu.
//= $special ?>
