Sqalli ta’ 26 sena ġie kkundannat tmien xhur ħabs u mmultat €1,000 wara li ammetta li ttraffika d-droga kannabis u li kellu fil-pusses tiegħu 20g mid-droga. Damian Calisti, minn Lentini u li jaħdem fil-kostruzzjoni, ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, l-Ispettur Nikolai Sant qal li l-Pulizija osservat numru ta’ persuni ħerġin mir-residenza tal-Isqalli f’San Ġiljan. Wara li saru diversi investigazzjonijiet u ġew interrogati nies li kienu ħerġin mingħand Calisti, sar magħruf li l-Isqalli kien qed ibigħ il-kannabis.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat li Calisti kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Madankollu, il-Qorti innutat il-fatt li d-droga li nstabet ma kinitx għall-użu personali u li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti. L-Avukat Gianluca Caruana Curran deher għall-Isqalli.
//= $special ?>

