Lokali Sport Sport Ieħor

Attivita’ tad-drifting f’Malta f’għeluq l-10 snin mill-bidu tal-King of the Kings

‘L-isport lokali irid jieqaf jiddependi totalment mill-finanzi tal-Gvern u b’xi mod jaħdem mal-privat għax hekk biss l-maġġior parti tal-isport f’pajjiżna jieqaf jkun amatorjali u jsir professjonali’. Dan qalu llum s-Segretarju Parlamemtari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret biex tingħata nformazzjoni dwar ‘King of the Kings’, l-attivita tad-drifting li ser tkun organizzata f’pajjiżna. Din ser tkun attivita’ li qed issir fl-għeluq l-10 snin mill-bidu tal-King of the Kings.

Kienu Adrian Figallo, f’isem FM Promotions u George Muscat il-President tal-Malta Drifting Association li taw l-informazzjoni dwar din l-attivita fejn ser jinġiebu Malta sewwieqa barranin li ħadu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej sabiex jikkompetu kontra xulxin għat-titlu King of the Kings. Sewwieq Malti wkoll ser jingħata ċ-ċans sabiex jikkompeti kontra dawn il-ġganti Ewropej fid-drifting. L-attivita’ ser tkun ibbażata fuq tlett ijiem fejn filwaqt li l-Ġimgħa jkun hemm free practice, is-Sibt u l-Ħadd ikun hemm il-kompetizzjoni propja fejn ir-rebbieħ jirbaħ €10,000. Waqt l-attivita’ minbarra l-kompetizzjoni King of the Kings, ser isiru wkoll King of Malta Street Legal Cup u King of Malta Pro Cup.

Il-President tal-Malta Sport Federation Tonio Cini kkwota survey li jgħid li l-isport tad-drifting, anke jekk mhux rikonoxxut mill-FIA, huwa it-tielet l-aktar sport tal-karozzi segwit wara l-Formula 1 u l-World Rally. Dan l-isport, kompla Cini, qed jibgħat messaġġ qawwi li n-nies trid aktar attivitajiet ta’ din ix-xorta. Huwa semma kif dan ikompli jikber u jieħu l-popolarita’ anke f’Malta jekk kemm il-darba din il-ħolma tat-trakka ġdida issir realta.

Ic-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil li qal li l-KMS tifhem u tgħaraf l-importanza ta’ dan l-isport u kieku tista tixtieq toffri għajnuna finanzjarja ikbar pero l-finanzi anke tal-KMS huma dak li huma. Huwa semma l-passjoni li l-Maltin għandhom lejn dan l-isport u l-investiment finanzjarju personali li bosta sewwieqa jagħmlu biex ikunu jistgħu jipprattikawh.

Waqt il-konferenza tkellem wkoll Mike Procureur, li huwa l-managing director ta’ King of Europe u Pierre Fenech f’isem Montekristo Estates. L-attivita’ ser issir bejn it-3 u l-5 ta’ Ottubru f’Montekristo Estates.