Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif allegatament qed isiru l-interviews għall-għalliema b’mod partikolari dawk nisa. Dak li qed jiġi rrappurtat huwa forma ta’ diskriminazzjoni li f’pajjiż serju u demokratiku m’għandha ssir qatt.
Fi stqarrija ffirmata mill-kelliema għad-djalogu soċjali u libertajiet ċivili Claudette Buttigieg u l-kelliem għall-Edukazzjoni Joe Cassar, il-PN rrimarka li f’iktar minn ċirkostanza waħda, għall-iżbalji li saru, l-Ministru Evarist Bartolo waħħal fil-ħaddiema taċ-ċivil. Iżda din id-darba ma jistax juża l-istess tattika għaliex kien hu stess li ħatar l-individwi li allegatament għamlu diskriminazzjoni bil-mistoqsijiet tagħhom.
Il-PN esprima soliderjata mal-għalliema li spiċċaw vittmi ta’ mistoqsijiet li qatt m’għandhom isiru waqt interviews u rringrazzja wkoll lill-Union tal-Għalliema li ma baqgħetx siekta quddiem l-inġustizzja u ddefendiet bil-qawwa kollha lill-membri tagħha.
U fi stqarrija, l-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista ikkundanna l-mod ta’ kif saru dawn l-intervisti u esprima solidarjeta man-nisa li ġew trattati bl-iktar mod maledukat u inaċċettabbli mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.
L-MNPN kompla li hija ħasra li wara snin ta’ amministrazzjoni nazzjonalista li matulhom saru riformi u daħlu inċentivi biex in-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, issa erġajna morna għaż-żmien meta l-mara kienet diskriminata għax hi mara u tintalab tagħti informazzjoni mill-iktar personali dwar it-tfal u l-familja.
Dan l-aġir, tkompli l-istqarrija, hu attakk kontra d-dinjita tal-mara u jfakkar fi prattiċi tax-xogħol li mhux parti mill-kultura ta’ dinja ħielsa.
U fi stqarrija oħra, il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN qal li mistoqsijiet diretti dwar il-ħajja personali tal-individwu huma llegali u diskriminatorji u għaldaqstant ma setgħux ikunu mistoqsija waqt interviews. Il-Forum Opportunitajiet Indaqs jittama li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jsegwi l-każ u jieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ min influwenza l-interviews b’mistoqsijiet barra minn lokhom u nieqsa mill-etika professjonali.
//= $special ?>
