‘Id-demokrazija qegħda tiġi mhedda f’pajjiżna’. Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għaż-żgħażagħ Robert Cutajar f’kummenti li għamel waqt il-programm Il-Fatti Kollha fuq Radio 101.
Huwa qal dan meta kien mistoqsi dwar il-proposta tal-gvern Laburista li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sas-sena 2019 u l-vot għal dawk ta’ sittax il-sena.
Cutajar semma kif f’Marzu 2013 Joseph Muscat kien ftaħar li Malta ser tkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn dawk ta’ sittax jivvotaw. Semma kif saħansitra s-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera quddiem is-Soċjalisti Ewropej kien ftaħar li ż-żgħażagħ ta’ sittax kienu ser jivvotaw għall-ewwel darba f’Marzu tas-sena 2015.
Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa x’inhi l-aġenda tal-gvern, aġenda li skond d-deputat Nazzjonalista hija waħda moħbija. Huwa saħaq li jinsab nkwetat għal dan l-ingann sfaċċat fil-konfront tal-poplu Malti.
Robert Cutajar qal ukoll illi l-argument tal-ispejjeż li qed iressaq il-gvern iqajjem punt interessanti u ċioe’ jekk il-gvern kienx jaf x’inhuma l-ispejjeż ta’ elezzjoni meta ftit xhur ilu għaddha l-liġi tal-vot sittax.
Huwa semma wkoll kif fid-dokument tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ il-vot sittax jisemma’ biss darba fl-introduzzjoni u qatt iżjed inkluż fejn tidħol il-politika tal-ministeru li taħtu jaqgħu il-Kunsilli Lokali.
//= $special ?>