Lokali

Il-ħtieġa ta’ riġenerazzjoni tan-nofsinhar ta’ Malta diskussa f’seminar

Il-mod kif in-Nofsinhar ta’ Malta jeħtieġ ikun riġenerat mill-aspett soċjali u turistiku kien diskuss waqt laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofshinar ta’ Malta li fiha pparteċipaw sindki u kunsillieri minn kunsilli lokali f’din iż-żona.

Il-laqgħa kienet indirizzata miċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis u mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis li tkellem dwar il-kontribut li l-iżvilupp turistiku jista’ jagħti fir-riġenrazzjoni ta’ din iż-żona.

Il-Ministru Zammit Lewis enfażizza l-importanza ta’ proġetti bl-involviment tas-settur privat u qal li dan għandu jġib rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku u turistiku b’riżultati pożittivi fuq il-kwalita tal-ħajja tar-residenti.

Il-Ministru tat-Turiżmu tkellem dwar l-importanza ta’ iktar element kulturali u storiku fost it-turisti li jiġu Malta u qal li mhux sodisfaċenti li 19 fil-mija biss tat-turisti li jżuru Malta jżuru t-tempju ta’ Ħaġar Qim. Zammit Lewis sostna li ż-żona tan-Nofisnhar ta’ Malta għandha tibbenefika wkoll minn fondi tal-Unjoni Ewropea immirati għal proġetti.

Ir-rapport preliminari għar-riġenerazzjoni tan-Nosfinhar ta’ Malta jiffoka fuq diversi proposti fuq is-servizz mediku fil-lokalitajiet, fl-ambjent, l-urbanizazzjoni, it-turiżmu u l-kultura, il-kunsilli lokali u l-proġetti infrastrutturali.

Il-pjan jidħol id-dettal dwar x’tip ta’ proġetti għandhom isiru fin-Nofsinhar ta’ Malta fosthom marina għall-jottijiet, riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid, toroq ġodda, pjan ta’ tisbiħ fil-Bajja ta’ San Tumas u riġenerazzjoni tal-Kottonera.