Kunsilli Lokali Lokali

Filmat: Il-Viċi Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi kontra t-tħassir ta’ l-elezzjonijiet

‘Għal Kunsill Lokali terminu ta’ aktar minn ħames snin huwa wisq’. Hekk saħaq il-Viċi Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi Jesmond Aquilina waqt kummenti li għamel fuq il-programm Il-Fatti Kollha li jixxandar fuq Radio 101. Programm li bħala mistieden kellu lill-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali David Agius u li kien mmexxi minn Mark Anthony Sammut.

Aquilina li sa l-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien is-Sindku saħaq li d-deċiżjoni li jitħassru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tista’ twassal sabiex f’ċertu kunsilliera tibda tispikka l-apatija. Spjega li l-elezzjonijiet iżommu lis-Sindki u Kunsilliera fuq ix-xwiek u b’hekk in-nies jinqdew aħjar.

Aquilina semma wkoll kif tħassir ta’ elezzjoni tista’ twassal għal numru ta’ riżenji min kunsillieri li ma jixtiequx idumu daqshekk fil-kariga. Riżenji li skond l-istess Jesmond Aquilina jista’ jwasslu għal żieda fin-numru ta’ kunsillieri li flok eletti jkunu co-opted, xi ħaġa li skond l-istess Viċi Sindku Laburista ma tkunx tirifletti mija fil-mija x-xewqa tal-poplu.

Aquilina tkellem ukoll dwar kif idealment materja bħal din tkun waħda li dwarha ikun hemm qbil bejn il-partiti.

Appell li jaqbel ma’ dak li ilu żmien jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li dwar materja ta’ bidla ta’ elezzjoni l-affarijiet għandhom isiru b’kunsens politiku.

Il-viċi sindku Laburista fl-intervent tiegħu qal li fl-opinjoni tiegħu l-gvern għandu jikkonsulta ma’ dawk fi ħdan il-partiti politiċi li jieħdu ħsieb l-kunsilli lokali. Fil-fatt l-istess Aquilina stqarr li ma’ kienx ċert jekk dan kienx diġa seħħ.

Il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista kien għamilha ċara mill-ewwel ġurnata li hu qatt ma’ kien ġie kkonsultat dwar din il-materja iżda minn naħa tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista mmexxija minn Mario Fava spikka s’issa skiet assolut.

Jesmond Aquilina semma wkoll kif s’issa l-kunsilliera Laburisti għadhom fid-dlam dwar x’ser jiġri tant li l-istess kunsilliera għadhom għaddejin bil-ħidma ta’ tħejjija għall-elezzjoni f’Marzu li ġej.

Segwi l-kummenti fil-filmat