Il-vjolenza li qed taqleb għall-agħar fil-Libja wasslet biex ir-Renju Unit jagħlaq temporanjament l-Ambaxxata tiegħu fil-belt kapitali Libjana ta’ Tripli.
Il-Foreign Office ta’ Londra, li fl-aħħar jiem ħeġġeġ biex il-Britanniċi kollha jitilqu immedjatament mil-Libja ikkonferma li min-nhar it-Tnejn mhix se tkompli tingħata l-għajnuna konsulari minn dan il-pajjiż Afrikan.
L-Ambaxxatur Michael Aron fisser din is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ swied il-qalb u qal li l-istaff diplomatiku tiegħu għandu jirritorna fl-Ambaxxata malli jkun hemm il-garanziji xierqa tas-sigurta.
Fil-preżent qed isiru l-arranġamenti biex iċ-ċittadini Britanniċi jitilqu mil-Liba li tinsab għaddejja mill-akbar theżżiż u ġlied miż-żmenijiet tar-rivoluzzjoni tal-2011 li qaċċtet ir-reġim ta’ Muammar Gaddafi.
Mifhum li sallum, il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Punent laħqu irtiraw id-diplomatiċi mil-Libja.
Dan meta eluf ta’ Libjani ħadu sehem fi protesti kbar biex jikkundannaw il-gruppi tal-milizzji armati li ilhom il-ġimgħat jikkumbattu lill-qawwiet armati tal-Libja.
//= $special ?>

