Kevin Spiteri ta’ 32 sena mill-Gżira inżamm taħt arrest preventiv wara li kmieni s-Sibt wara nofs inhar tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ 100 gramma kokaina u pusses ta’ eroina u kannabis.
Wara li għal dawn l-aħħar jiem Spiteri kien qed jiġi osservat mill-Pulizija, nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Awwissu li għadda huwa twaqqaf mill-membri tal-Korp tal-Pulizija fil-lokalita’ ta’ Birkirkara.
Fil-karozza tiegħu tal-marka Honda Accord, instabu diversi pakkett bil-kokaina, li b’kollox irriżulta li kien fihom madwar mitt gramma. Instabet ukoll id-droga eroina u d-droga kannabis, iżda f’dan il-każ l-ammont kien wieħed żgħir u għalhekk din kienet għal użu personali tiegħu.
Spiteri ġie mixli wkoll b’pusses ta’ droga u fil-każ tal-kokaina kien mixli li din instabet f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’sentenza oħra mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.
L-Ispettur Herman Mula għamel talba lill-Maġistrat Neville Camilleri biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat, liema talba kienet milqugħa.
Sadanittant l-Avukat Charmaine Cherrett għamlet talba għal liberta’ proviżorja tal-klijent tagħha, liema talba kienet opponuta bil-qawwa kollha mill-Ispettur Mula minħabba nuqqas ta’ affidabilita’. It-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda u Spiteri ittieħed mill-ewwel fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
//= $special ?>

