Lokali

L-aħħar tislima lil Sandy Cachia Zammit

Il-politiku Alexander Cachia Zammit ingħata l-aħħar tislima għall-ħidma li wettaq għan-nies propju minn mijiet ta’ nies li attendew għall-funeral tiegħu li sar fil-knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun.

Iż-Żejtun f’luttu. Il-bnadar kollha fil-pjazza tar-raħal ittajru mezz’asta b’rispett lejn Alexander Cachia Zammit filwaqt li numru kbir ta’ Żwieten u persuni oħra minn kull faxxa tas-socjeta u kulur politiku mhux biss imlew il-knisja ta’ Santa Katarina iżda nġabru wkoll fuq iż-żuntier.

Il-funeral, li għalih attendew l-għola personalitajiet tal-pajjiż, beda mill-kazin tal-Banda Beland fejn it-tebut ta’ Cachia Zammit inżamm għall-qima. Imdawwar mill-membri tas-Soċjeta Mużikali Beland, li tagħha għamel snin twal President, il-tebut ta’ Cachia Zammit inħareġ mill-każin merfugħ fuq spallejn il-membri tas-Soċjeta u ddaħħal fil-Knisja.

Il-quddiesa presente cadavere kienet karatterizzata minn omelija b’diversi messaġġi miċ-ċelebrant Monsinjur Lawrence Gatt li tkellem dwar l-ideali li kien jemmen fihom Alexander Cachia Zammit fosthom il-ħajja ġenwina u ta’ servizz għan-nies li kien jgħix.

Monsjur Gatt qal li Cachia Zammit kellu ħajja mimlija li fiha dejjem kien viċin il-poplu. Ħajja li fiha hu ħabb lill-poplu u kien jinterssah ħafna min-nies. Alexander Cachia Zammit kien kalamita għal min kien fil-bżonn u kien jaqdi lin-nies u jħobbhom b’lealta.

Il-messaġġ ta’ Monsinjur Gatt kien ċar “Irridu nsellmu lill-ġenerazzjoni li qed narawha sejra. Ġenerazzjoni li ġabet il-bidliet u li kienet mibnija fuq l-irġulija, il-fedelta, l-onesta fil-familja, l-imħabba ġeniwna u r-rabta mal-artal”.

Hekk kif intemmet il-quddiesa u t-tebut ta’ Alexander Cachia Zammit inħareġ mill-Knisja, in-nies fuq iz-zuntier sellmulu b’ċapcip waqt li l-banda Beland daqqet marċi funebri. Membri tal-kumitat tas-Soċjeta Beland tefgħu ukoll fjuri fuq it-tebut tal-ex President tagħhom li kien quddiem il-każin għall-aħħar darba.

Kif inhi tradizzjoni fiż-Żejtun, it-tebut ta’ Alexander Cachia Zammit ittiehed b’korteo bil-mixi mill-Knisja lejn iċ-ċimiterju tar-raħal.

Wara t-tebut ta’ Cachia Zammit imxew il-familja, politiċi, fosthom il-Kap tal-PN Simon Busuttil, delegazzjoni tal-Kumitat Sezzjonali Partit Nazzjonalista Żejtun u rappreżentanti tas-soċjetajiet tar-raħal flimkien ma’ rappreżentati ta’ diversi għaqdiet tal-banda li kienu rappreżentati permezz tal-istandardi.

Minn kull fejn għadda t-tebut ta’ Cachia Zammit minn fuq iz-Zuntier saċ-Ċimiterju, il-poplu taż-Żejtun ħareġ isellimlu biċ-ċapcip u tfiegħ tal-fjuri….irrispettivament mill-kulur politiku tagħhom…għaliex Alex Cachia Zammit kien bniedem u politiku ta’ eżempju li rrispetta lil kulħadd u kien rispettat u maħbub mill-poplu.