L-allarm dwar l-epidemija tal-Ebola kiber tant li l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, ħabbar li d-delegati tal-pajjiżi affettwati għandhom jgħaddu minn proċess ta’ screening waqt li huma jkunu f’Washington biex jattendu summit importanti bejn l-Istati Uniti u l-Mexxejja tal-Afrika li għandha ssir il-Ġimgħa d-dieħla.
Din il-laqgħa m’għandha l-ebda preċedent fl-istorja u se jattendu għaliha madwar ħamsin kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet Afrikani. Is-summit se jkun anki l-ewwel wieħed fejn President Amerikan ikun laqqa’ daqstant mexxejja Afrikani għal konferenza waħda.
Il-Liberja, Sierra Leone u l-Guinea huma l-agħar pajjiżi affettwati mill-virus tal-Ebola u qegħdin jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jevitaw il-firxa tal-virus li minn Frar ‘il hawn qatel ‘il fuq minn 720 persuna f’erba’ pajjiżi Afrikani.
Madankollu, il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Margaret Chan, qalet li l-epidemija tal-Ebola tista’ tkun ikkontrollata f’każ li jittieħdu l-miżuri xierqa. Chan, propru lbieraħ, indirizzat summit għall-Mexxejja Afrikani li kien organizzat fil-Guinea u wissiet li l-Ebola qed tinfirex aktar malajr fiż-żoni tal-Afrika tal-Punent milli qegħdin jieħdu effett l-isforzi intiżi biex jikkontrollawha.
Il-Kap tal-WHO temmen ukoll li l-laqgħa fil-Guinea għandha titqies bħala żblokk definittiv li jindika l-mezzi li l-awtoritajiet iridu jaddottaw biex jikkonfrontaw il-virus qattiel.
Rapporti oħra qalu li aġenzija tal-għajnuna fl-Istati Uniti għandha ġġib lura żewġ membri tal-istaff tagħha li spiċċaw infettati bl-Ebola fil-Liberja. Dawn se jkunu l-ewwel pazjenti tal-Ebola li għandhom jingħataw it-trattament dovut fl-Istati Uniti proprja.
//= $special ?>

