Lokali

L-MAHE tawgura li l-politika ma’ taffetwax l-għażla ta’ CEO ta’ l-MTA

Fi stqarrija il-Malta Association of Hospitality Executives (MAHE) qalet li r-riżenja tas-CEO ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, Josef Formosa Gauci, wasslet għal spekulazzjoni kbira fl-industrija dwar min ser ikun is-suċċessur tiegħu. L-MAHE qalet li sfortunatament l-industrija qegħda tkun l-ewwel li ssofri iżda l-aħħar li tkun infurmata.

L-istqarrija saħqet li operaturi barranin qegħdin jistaqsu bosta mistoqsijiet dwar din ir-riżenja speċjalment wara l-attakki ħorox li saru kontra Formosa Gauci f’Jannar. L-MAHE qalet li l-kariga għandha bżonn xi ħadd b’passjoni għall-industrija tat-turiżmu l-ospitalita’ u li għandu għarfien sew ta’ l-industrija. L-istess stqarrija tappella sabiex il-politika partiġġjana tinżamm barra minn din l-industrija delikata u sensittiva.

L-MAHE li hija għaqda għall-ħaddiema f’livell maniġerjali fl-industriji tal-ospitalita’, t-turiżmu, u l-ivvjaġġar rringrazzjat lil Josef Formosa Gauci għall-ħidma tiegħu. Ħidma li l-istess MAHE faħħret b’mod estensiv.