Lokali

Peter Paul Zammit jgħid li John Rizzo kellu d-dubji dwar il-każ John Dalli

Skont l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, il-fatt li l-Kumissarju ta’ qablu John Rizzo ried jinterroga lill-eks Kummissarju Ewropew John Dalli juri li Rizzo kellu d-dubji dwar dan il-każ.

Peter Paul Zammit stqarr dan f’kummenti ma’ ġurnal lokali b’reazzjoni għax-xhieda tal-eks Kummissarju John Rizzo quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi, li matulha John Rizzo qal li kemm hu, kif ukoll it-tim investigattiv tiegħu u l-Avukat Ġenerali, kienu tal-fehma li jipproċedu fil-konfront ta’ John Dalli.

Qal ukoll li John Dalli kien qed jirrifjuta li jiġi Malta minħabba li kien qed isostni li ma setax jivvjaġġa minħabba mard.

Dan wassal biex il-Kummissarju Rizzo ma nterrogax lil Dalli u għalhekk ma ħarġux akkużi kontrih kif ħarġu kontra Silvio Zammit. Ma kienx jagħmel sens li fuq każ daqshekk gravi li l-akkużi jinħarġu permezz ta’ ċitazzjoni sostna John Rizzo.

Waqt is-seduta tal-Ħamis, John Rizzo qal ukoll li Peter Paul Zammit qatt ma kkuntattjah dwar dan il-każ ta’ allegat tixħim li jlaħħaq miljuni ta’ ewro bil-għan li tinbidel id-Direttiva Ewropea tat-Tabakk.

Min-naħa tiegħu, Peter Paul Zammit iddefenda d-deċiżjoni li jirrevedi l-każ mingħajr ma jkellem lil John Rizzo għaliex ried iħares lejn l-evidenza minn lenti ġdida mingħajr preġudizzji.

Tliet xhur wara li nħatar Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit iddikjara li m’hemmx każ kriminali fil-konfront ta’ John Dalli.