Il-Parents Circle taċ-Ċentru Inspire li hu ffurmat mill-aktar ġenituri attivi li għandhom uliedhom jattendu f’dan iċ-ċentru ippreżentaw proposta dwar l-edukazzjoni inklussiva lil Ministru għal Familja u s-Solidarjeta` Soċjali, Michael Farrugia.
L-iskop tal-proposta hu li jkun hemm titjib fl-edukazzjoni inklussiva billi uliedhom jingħataw mhux biss tagħlim edukattiv, imma wkoll tagħlim emmozzjonali u tagħlim soċjali.
Il-preżentazzjoni saret nhar il-Ġimgħa waqt l-Achievement Day li matulha klijenti taċ-Ċentru Inspire fosthom tfal u adulti ingħataw ċertifikat jew midalja għax-xogħol tagħhom matul is-sena.
F’din l-attivita` li ssir kull sena saru bosta attivitajiet li kienu maqsumin fi tliet kategoriji u għalihom attendew tfal u adulti li jattendu fl-Inspire kif ukoll numru kbir ta’ ġenituri.
It-tfal kellhom l-okkażjoni jdoqqu t-tnabar mal-grupp Tribali fejn ħolqu melodija mill-isbaħ.
L-adulti tfajliet u ġuvintur min-naħa tagħhom organizzaw sfilata tal-moda li ntlaqgħet b’ċapcip minn dawk kollha preżenti.
Attivita` oħra marbuta mal-programm Step kienet dik għat-tfal u adoloxxenti li għandhom l-awtiżmu.
Fiċ-Ċentru Inspire jattendu madwar 1,000 klijent maqsuma bejn iċ-Ċentru ta’ Bulebel u ċ-Ċentru Inspire f’Marsaskala. L-Inspire jimpjega madwar 150 persuna full-time li ħafna minnhom huma professjonisti u 50 persuna part-time. L-Inspire isib ukoll għajnuna minn madwar 200 voluntier.
//= $special ?>