Lokali

Roberta Metsola fil-mira ta’ attakk fuq Facebook

Il-Membru Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola fil-mira ta’ attakk fuq is-sit soċjali Facebook li fih persuna bl-isem ta’ Kevin Vella xtaq li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista tisfa vittma ta’ gang rape.

Il-każ jaf il-bidu tiegħu meta l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola kitbet post fuq Facebook li fiha saħqet li kull tifel u tifla, ġej minn liema pajjiż ġej, għandu dritt li jikber b’dinjita’ u tenniet l-impenn tagħha li tkompli taħdem biex il-politika tal-UE ma tħalli lil ebda tifel jew tifla jaqgħu lura.

Kevin Vella għażel li jixxerja dan il-post ta’ Roberta Metsola fuq Facebook u miegħu jżid kumment li fih uża kliem dispreġġjattiv fil-konfornt tal-MEP Nazzjonalista. Huwa xtaq li Metsola tkun vittma ta’ gang rape minn dawk li sejjaħ bħala immigranti illegali.

Immedjata r-reazzjoni tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista li qalet li huwa ta’ dispjaċir meta Maltin jinqdew b’temi serji bħall-vjolenza sesswali minħabba li politiċi jieħdu pożizzjoni favur it-tfal u saħqet li din l-imġiba hija inaċċettabbli.

Roberta Metsola tenniet li inċidenti bħal dawn se jkomplu jsaħħuha biex fil-futur tkompli tieħu pożizzjoni iktar qawwija fuq kwistjionijiet bħal dawn. Hija appellat biex kull min ra dan il-post jagħti donazzjoni lill-organizzazzjonijiet li jagħtu kenn lin-nisa li għaddejjin minn xi diffikulta jew lill-UNICEF.

Kienu ħafna dawk li kitbu messaġġi ta’ appoġġ lill-MEP Nazzjonalista. Fost dawn id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg li qalet li kummenti bħal dawn huma totalment inaċċettabbli. Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista f’post fuq Facebook ukoll iddeplora dawn il-kummenti. L-istess għamel il-Ministru Laburista Chris Cardona li fi tweet tenna l-appoġġ tiegħu għall-MEP Nazzjonalsita u sejjaħ il-kummenti ta’ Vella bħala mhux ċivilizzati, illegali u skandalużi.

Sadanittant fi żvilupp ieħor, Kevin Vella f’kummenti ma’ dan is-sit, qal li l-mobile tiegħu nsteraq u kien xi ħadd ieħor li nqeda bil-profil tiegħu fuq Facebook biex kiteb il-kummenti dispreġġjattivi fil-konfront ta’ Roberta Metsola. Madanakollu din l-allegazzjoni għad trid tiġi kkonfermata mill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha.