Tkompli l-vjolenza fl-Lvant Nofsani bi truppi ta’ Iżrael iwettqu aktar attakki fuq Gaza u b’militanti Palestinjani jisparaw aktar rockets lejn Iżrael. It-tensjoni kompliet teskala wara li suldat ta’ Iżrael, Hadar Goldin ta’ 23 sena, ġie rappurtat nieqes b’ħafna jemmnu li ġie maħtuf minn militanti Palestinjani.
Minn naħa l-oħra uffiċjali Palestinjani qalu li fl-aħħar attakki ta’ Iżrael mietu mal-50 ruħ. S’issa mietu diġa madwar 1,650 Palestinjan u 63 Iżraelit.
Intant komplew ukoll l-akkużi dwar l-falliment tal-waqfien mill-ġlied tal-bieraħ bil-Ħamas takkuża li kien Iżrael li reġa beda l-ġlied u b’Iżrael jakkuża lil Ħamas li kien l-istess grupp militanti li reġa beda l-ġlied.
Il-President Amerikan Barack Obama ddeskriva l-kriżi bħala ta’ qsim il-qalb u qal li ser jaħdem għal waqfien mill-ġlied mill-ġdid.
Intant l-attakki tal-Iżraeljani matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt laqtu l-għexieren tad-djar tal-Palestinjani, minbarra tliet moskej u universita fl-inħawi ta’ Rafah. Sadanittant, mifhum li l-fergħa armata tal-Ħamas bl-isem Brigati Qassam sparaw talanqas tliet missili fid-direzzjoni ta’ Tel Aviv u li skont ir-rapporti ma rriżultawx f’midruba u maqtula.
Intant ftit ilu sar magħruf illi hemm ftit probabilita’ li Iżrael ser tibgħat delegazzjoni fl-Eġittu għat-taħdidiet ta’ paċi. L-uffiċjali Iżraeljani qalu li hu biss la darba l-qawwiet tagħhom jeqirdu l-mini f’Gaza li qed jużaw l-militanti Palestinjani li huma għandhom jikkunsidraw iritrar unilaterali mit-territorji. Fl-istess ħin l-armata Iżraeljana qed tgħid li diġa tinstab qrib ta’ dan it-tragward.
//= $special ?>

