Lokali

Appell lill-Gvern biex fis-settur tat-turiżmu ma jagħmilx ħatriet politiċi

Is-settur turistiku huwa settur sensittiv u għandu jinżamm ‘il bogħod mill-politika. Għaldaqstant nittama li l-gvern ma jagħmilx ħatriet politiċi fl-għażla ta’ Kap Eżekuttiv gdid tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.

Kliem Joe Attard il-President tal-Malta Assoċiation of Hospitality Exeċutives fi stqarrija li fiha l-Assoċjazzjoni staqsiet min se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.

L-istqarrija tgħid li, hekk kif qed jikbru l-ispekulazzjonijiet dwar min se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid wara r-riżenja ta’ Josef Formosa Gauċi, l-industrija tat-turiżmu jidher li se tkun l-aħħar li se tkun taf minkejja li tkun l-ewwel waħda li tbati.

L-istqarrija tfaħħar il-ħidma ta’ Josef Formosa Gauċi li kellu kuntatti tajbin ma’ għadd kbir ta’ msieħba f’dan is-settur u li dejjem hadem bi spirtu ta’ tim. L-istqarrija tirreferi wkoll għall-għadd kbir ta’ mistoqsijiet li qamu wara r-riżenja ta’ Formosa Gauċi partikolarment wara l-attakk li sar fuqu f’Jannar.

L-istqarrija tfakkar li s-settur turistiku jikkontribwixxi għall-25% tal-prodott Gross Domestiku u jimpjega eluf ta’ nies. L-Assoċjażżjoni esprimiet it-thassib tagħha li fl-istess nifs li qed joħorġu stqarrijiet għall-istampa li jfaħħru ż-żieda ta’ turisti li jżuru pajjiżna s-sitwazzjoni fl-Awtorita Maltija għat-Turiżmu ilha tiddeġenera minn Jannar li għadda.

Il-Malta Association of Hospitality Executives tisħaq li mhux se jkun faċli li jinstab Kap Eżekuttiv gdid għall-Awtorita Maltija għat-Turiżmu u tishaq li l-industrija tinħtieg lil xi hadd li għandu għarfien wiesa’ tas-settur, li jħobb jaħdem fil-qasam tat-turiżmu u tal-ospitalita u li huwa lest li jwarrab kull sentiment ta’ kulur politiku.