Lokali

Il-Gvern jirrifjuta talba oħra biex jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners

Il-kuntratt iffirmat mill-Gvern Malti mal-kumpanija Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza jinsab mill-ġdid fid-diskussjoni wara li ġiet irrifjutata talba minn gazzetta lokali biex dan jiġi ppubblikat. L-artiklu f’The Malta Independent jikkwota lill-Ministru Manwel Mallia jgħid li l-fatt li l-kontenut tal-kuntratt jinżamm mistur hu aktar ta’ interess pubbliku milli jekk ikun ippubblikat.

It-talba biex jiġi żvelat il-kuntratt kienet intalbet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u fost raġunijiet oħrajn għalfejn it-talba ġiet miċħuda, il-Ministeru jsemmi l-fatt li l-pubblikazzjoni tal-kuntratt tfisser li l-Gvern jkun imfittex għal azzjoni legali minħabba ksur ta’ kunfidenzjalità, kif ukoll li dan jista’ jkollu effett negattiv fuq l-abbiltà tal-Gvern li jmexxi l-ekonomija Maltija. It-talba biex jiġi ppubblikat il-kuntratt kienet saret fil-11 ta’ Ġunju u l-Liġi tistipula 20 ġurnata biex isir dan.

Anke l-Partit Nazzjonalista qed jitlob il-pubblikazzjoni tal-kuntratt permezz tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC). L-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, f’Ruling li kien ta f’Mejju li għadda, kien sostna li l-PAC kellu d-dritt jitlob għall-kuntratt, filwaqt li warrab l-argument li ma jistax jiġi diskuss minħabba Digriet tal-Qorti. F’każ li mill-anqas Deputat wieħed min-naħa tal-Gvern jappoġġja t-talba għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt, dan ikun biżżejjed biex il-PAC ikun jista’ jagħmel it-talba b’mod formali.

L-artiklu jgħid li, madanakollu, il-fatt li t-talba minn The Malta Independent ġiet rifjutata, juri li l-possibbiltà li dan jiġi ppubblikat hi improbbabli ħafna.