Lokali

Il-Ministru Joe Mizzi ma jonorax kundizzjoni tal-Espressjoni ta’ Interess għas-servizz tat-Trasport Pubbliku

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi ma onorax waħda mill-kundizzjonijiet tal-Espressjoni ta’ Interess maħruġa mill-Gvern għas-servizz tat-Trasport Pubbliku.

Dan ħareġ minn dikjarazzjoni xokkanti li għamel l-istess Ministru meta qal li ltaqa’ ma’ kumpanija barranija, il-grupp Spanjol Autobuses de Leon – li tefgħet l-offerta għas-servizz tat-trasport pubbliku.

Din id-dikjarazzjoni tmur kontra Klawsola 10 tal-Espressjoni tal-Interess li tghid bl-iktar mod car li l-ebda offerent ma jista’ jaghmel kuntatt mal-Awtorita’ tat-Trasport jew mal-Ministeru responsabbli mit-Trasport għax jiġi skwalifikat awtomatikament.

Artiklu fil-gazzetta il-Mument jidħol fid-dettall ta’ din il-kwistjoni u jfakkar li waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Mizzi qal li hu flimkien ma’ uffiċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport iltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ kumpanija barranija.

Saħansitra l-Ministru Mizzi qal li kellu laqgħa mal-kumpanija Maltija, dikjarazzjoni li ġiet miċħuda mill-istess kumpanija Maltija, Island Buses Malta, li immedjatament giddbet lill-Ministru Mizzi.

Din il-klawsola fl-Espressjoni ta’ Interess qiegħda hemm biex ma jkunx hemm ħmieġ u ħabi. F’kummenti li ta lill-gazzetta Il-Mument, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni ghat-Trasport Toni Bezzina qal li l-imġiba tal-Ministru Joe Mizzi tmur kontra l-wegħda ta’ responsabilita u kontabilita li għamel Joseph Muscat qabel l-elezzjoni. Huwa staqsa x’marru jagħmlu l-Ministru Joe Mizzi u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo fi Spanja meta l-preferred bidder kien għadu ma tħabbarx.

Il-ġurnal Il-Mument ikompli jgħid li l-fatt li uffiċjali tal-kumpanija Spanjola ltaqgħu mal-Ministru Mizzi u ma’ uffiċjali ta’ Transport Malta hu aġir li jmur kontra l-kundizzjonijiet tal-Gvern stess u jista’ jirriżulta fl-iskwalifika immedjata tal-offerent Spanjol, kif titlob l-Espressjoni ta’ Interess.