Il-Parlament Nazzjonali Libjan iltaqa’ għall-ewwel darba fl-isfond ta’ ġlied u vjolenza, kemm f’Benghazi kif ukoll fil-kapitali Tripli.
Il-Parlament, magħmul minn deputati eletti fil-votazzjoni tal-25 ta’ Ġunju, hu magħmul minn fazzjoni sekolari wara li kien ibbojkottjat mill-militanti Iżlamiċi.
Oriġinarjament, il-Parlament kellu jitlaqqa’ f’Benghazi it-Tnejn izda l-ewwel seduta tmexxiet ‘il quddiem u tlaqqa’ f’Tobruk ghal ragunijiet ta’ sigurta’.
Iktar minn 200 persuna huma stmati li nqatlu u eluf oħra ndarbu fil-ġlied madwar il-pajjiż bejn fazzjonijiet rivali. Eluf oħra qed jaħarbu kuljum, l-iktar lejn it-Tuneżija. Sadanittant, issokta l-ġlied madwar l-ajruport ta’ Tripli. Fl-istess waqt, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar għadhom jissieltu man-nirien li ħakmu l-ikbar maħżen ta’ fuel fi Tripli u fl-aħħar sigħat jidher li reġa’ intlaqat minn rocket sparat minn waħda mill-milizzji.
Il-kaos li ħakem lill-pajjiż wassal għal evakwazzjoni ta’ eluf ta’ ċittadini barranin, l-iktar lejn it-Tunezija. Is-Sibt suldati Libjani sparaw fuq folla ta’ ħaddiema Eġizzjani li ma setgħux jaqsmu l-fruntiera. Dan għaliex il-Gvern Tuneżin mhux qed ihalli Egizzjani jaqsmu l-fruntiera sakemm ma jurux provi li għamlu arranġamenti biex mit-Tuneżija jibqgħu sejrin dritt lejn pajjiżhom.
Dan kollu qed iwassal biex l-Eġizzjani qed iqattgħu sigħat sħaħ qrib il-fruntiera taħt xemx tiżreġ u mingħajr provvisti.
Fl-aħħar sigħat, iktar minn 400 Ġiniż qasmu l-fruntiera lejn it-Tuneżija filwaqt li frejgata tal-qawwa navali Griega evakwat 200 ċittadin grieg u xi barranin oħra bil-baħar.
Anki r-Renju Unit baghat bastiment tar-Royal Navy biex jevakwa ċittadini wara li mit-Tnejn, l-Ambaxxata Ingliża se tkun magħluqa.
Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit ikkonferma li l-bastiment HMS Enterprise jinsab fi triqtu lejn Tripli u mistenni jasal fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>

