Internazzjonali

Imutu fi splużjoni ġo fabbrika fiċ-Ċina

L-awtoritajiet komunisti fil-belt ta’ Kunshan qed jinvestigaw x’wassal għal splużjoni ġo fabbrika lokali li timmanifattura l-partijiet tal-karozzi u li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas 65 persuna.

Din il-fabbrika, li tinsab ġo zona industrijali fil-provinċja ta’ Jiangsu, għandha l-kumpannija Amerikana General Motors fost il-klijenti tagħha. Intant, ir-rapporti qalu li l-isplużjoni – li ħalliet ukoll madwar mitejn midruba – seħħet ġo workshop speċifiku fejn mijiet ta’ ħaddiema kienu għaddejjin bix-xogħol tagħhom.

It-traġedja f’din il-fabbrika – li hi proprjeta tal-kumpannija Zhongrong Plating u li timpjega mal-450 ħaddiem – hi l-agħar diżastru naturali fiċ-Ċina wara l-inċident li kien seħħ f’Ġunju tas-sena l-oħra u fejn kienu mietu 119 il-persuna fost in-nirien li qabdu ġo kumpless tat-tjur.

L-isforzi tas-salvataġġ damu għal sigħat fl-inħawi ta’ Kunshan u waqt li għexieren tal-midruba twasslu fl-isptarijiet ta’ din il-belt u lejn sptarijiet oħra fl-inħawi ta’ Suzhou. Mifhum ukoll li numru ta’ ħaddiema tal-kumpannija Zhongrong spiċċaw arrestati.