Wasal f’pajjiżna l-vapur tal-gwerra Ingliż HMS Enterprise, li permezz tiegħu ġew evakwati mil-Libja 110 persuni mir-Renju Unit, fosthom 30 tifel u tifla, 12-il tarbija, erba’ nisa tqal kif ukoll anzjan u persuna marida. Abbord kien hemm ukoll numru żgħir ta’ ħaddiema Irlandiżi u Ġermaniżi.
Jilqgħu lil dawn il-ħaddiema kien hemm il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit Rob Luke, filwaqt li żewġ timijiet mediċi kienu fil-post f’każ li jinqala’ l-bżonn ta’ assistenza medika. F’kumment lill-media, Luke rringrazzja lil kulmin kien involut fil-ħidma ta’ evakwazzjoni. Tenna li għad fadal xi ċittadini Britanniċi fil-Libja, bl-awtoritajiet Ingliżi jibqgħu miftuħin għal kull possibbiltà ta’ evakwazzjoni.
Il-Bastiment wasal Tripli lbieraħ, hekk kif l-Ambaxxata Ingliża fil-kapitali Libjana ngħalqet minn dalgħodu minħabba l-ġlied li kompla jintensifika bejn fazzjonijiet rivali. L-istaff diplomatiku Ingliż fil-Libja se jibda jaħdem mit-Tuneżija. Dan hu t-tieni vapur li evakwa numru ta’ persuni mil-Libja fl-aħħar jiem, wara li s-Sibt li għadda katamaran tal-Virtu Ferries ġab lejn Malta madwar 250 ħaddiem tal-kumpanija Hyundai fi Tripli. Fil-maġġoranza ta’ dawn, il-ħaddiema kienu Filippini u Indjani.
Sadanittant, il-Kmandant tal-HMS Enterprise Derek Rae kellu jagħti kummenti lill-media, iżda din il-laqgħa tħassret. Kelliem għall-Kmandant skuża ruħu għan-nom tiegħu u spjega li l-laqgħa tħassret għax kellu jibda tħejjijiet wara ordni li rċevew biex ibaħħru immedjatament. Mistoqsi jekk humiex sejrin lura l-Libja, il-kelliem qal li ma jistax jikkummenta dwar missjonijiet militari tal-futur. Il-kelliem tal-HMS Enterprise qal li b’differenza mill-Ajruport, is-sitwazzjoni fil-Port ta’ Tripli hi stabbli, filwaqt li għadha qed tinżamm is-sigurtà fl-inħawi tal-Port.
//= $special ?>

