Internazzjonali

Belġju: Jibda jitfakkar il-100 anniversarju mid-dikjarazzjoni tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Mexxejja ta’ Gvernijiet u Stati f’dawn il-jiem jinsabu fil-Belġju biex jattendu għall-attivitajiet li jfakkru l-100 anniversarju minn meta l-Imperu Ingliż iddikjara gwerra kontra l-Ġermanja u l-alleati tagħha biex ingħata bidu għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Diversi binjiet pubbliċi madwar ir-Renju Unit illejla mistennija jintfew bejn l-10pm u l-11pm ħin lokali, meta skada l-ultimatum tar-Renju Unit u ddikjara Gwerra kontra l-Ġermanja.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qal li li qed jitfakkar dan l-anniversarju bħala rikonoxximent għas-sagrifiċċju enormi li għamlet dik il-ġenerazzjoni, li l-wirt tiegħu hi l-libertà li qed ingawdu llum. Wara li Franza u r-Russja ddikjaraw gwerra fit-28 ta’ Lulju, ir-Renju Unit baqa’ sal-aħħar jipprova jibqa’ barra mill-Gwerra fil-kontinent Ewropew, iżda kien kostrett jaġixxi wara li l-Ġermanja nvadiet il-Belġju, li r-Renju Unit kien marbut li jipproteġi.

Madwar 900,000 suldat tal-British Expeditionary Force inqatlu matul l-Ewwel Gwerra Dinjija bejn l-1914 u l-1918. B’kollox mietu madwar 10 miljun suldat, sitt miljuni għall-Alleati u erba’ miljuni għall-Ġermanja u l-alleati tagħha. Hu stmat li mietu wkoll madwar seba’ miljun persuna pajżana miż-żewġ naħat tal-kunflitt.