Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, wara li kkunsidrat diversi fatturi.
biddlet deċiżjoni mogħtija mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbli. Dan dwar kuntratt li ngħata minn Wasteserv Malta.
Il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi kien laqa’ l-appell mill-kumpanija Signal 8 Security Services Malta Limited dwar kuntratt li kien ingħata lill-kumpanija Kerber Securities Limited, u ġie deċiż li t-tender jerġa jinħareġ mill-ġdid.
Minn naħa tagħha, l-kumpanija Kerber ippreżentat appell fil-Qorti dwar id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tal-kumpanija Kerber, wara li kkonkludiet li l-Bord mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu.
Fit-3 ta’ Settembru tal-2013 il-Wasteserv kienet ħarġet tender li għalih tefgħu l-offerta tmien kumpaniji, fosthom il-kumpanija Kerber Securities Limited u s-Signal 8 Security Services Malta Limited.
Dan it-tender kellu żewġ klawsoli li kienu importanti għal dan il-każ. Ważda minnhom kienet tistipula l-uniku kriterju li għandu jiddetermina l-għoti tat-tender, filwaqt li klawsola oħra kienet li timponi fuq il-kuntrattur l-obbligu li jaderixxi ruħu mal-liġijet li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fost affarijiet oħra, din il-klawsola kienet tgħid li l-kuntrattur ma għandux iniżżel il-ħaddiema mpjegati bil-kuntratt bħala ‘self-employed’. Skont r-rapport tal-evalwazzjoni, l-offerta tal-kumpanija Kerber kienet meqjusa bħala l-aħjar waħda.
Fil-fatt fir-rapport kien imniżżel li l-offerta kienet l-aktar waħda rħisa.
Madankollu, permezz ta’ ittra li ntbagħtet fl-24 ta’ Jannar li għadda lil Wasteserv Malta, il-kumpanija Signal oġġezzjonat għall-għoti tat-tender lill-kumpanija Kerber. Il-kumpanija Signal ibbażat l-oġġezzjoni tagħha fuq żewġ allegazzjonijiet.
L-ewwel waħda kienet li l-kumpanija Kerber ma setgħetx taderixxi l-kundizzjonijiet tat-tender bl-ingaġġ ta’ mpjegati “part-time” biss. It-tieni allegazzjoni kienet li r-rata ta’ anqas minn €5.66 tfisser li min jieħu t-tender se jkun qed iħaddem lill-impjegati b’xogħol prekarju.
Il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi kien qal li l-ebda intrapriża kummerċjali mhu se tidħol għal obligazzjoni meta l-kontribuzzjoni hija tant baxxa.
Wara li kkunsidra kemm ir-raġunijiet mogħtija minn Signal għall-oġġezzjoni tagħha, kif ukoll is-sottomissjonijiet ta’ Wasteserve Malta, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi ddeċieda li jinħareġ tender ġdid fejn il-kumpaniji għandhom jagħmlu eżerċizzju reali ta’ nfiq.
Il-kumpanija Kerber fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Appell biex din id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni tiġi annullata. Il-kumpanija Kerber qalet li l-Bord ma ottemprax ruħu mal-liġi għax la ċaħad u lanqas laqa’ l-ilment ta’ Signal u apparti hekk, id-deċiżjoni tal-Bord ma kinitx imsejsa fuq l-eżerċizzju li kien mitlub jagħmel.
Qabel tat id-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet il-funzjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni hija li jeżamina t-talba tal-appellant fid-dawl tal-motivazzjoni tal-oġġezzjoni, biex tara jekk hemmx raġunijiet gravi li jimmilitaw kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni.
Il-Qorti qalet li l-Bord ma għandux imur lil hinn mill-fatti pprovati, u għalhekk mhux kompitu tiegħu li jagħmel assunzjonijiet, anke jekk dawn jistgħu jkunu jidhru raġjonevoli.
Il-Qorti qalet li dan ifisser li jekk il-kriterji amministrattivi u tekniċi jiġu sodisfatti mill-kumpaniji li jkunu tefgħu l-offerta tagħhom, la l-Kumitat tal-Evalwazzjoin u lanqas il-Bord ta’ Reviżjoni ma jistgħu jinjoraw dawn il-kundizzjonijiet.
//= $special ?>

