Dil-ħabta, ħafna huma t-tifkiriet tal-Gwerra l-Kbira, mill-bidu tagħha fil-Balkani għad-dikjarazzjoni tal-gwerra mir-Renju Unit, proprju bħal-lum mitt sena, dikjarazzjoni li daħħlet anke lilna, bħala kolonja tal-Ingilterra, fil-Gwerra l-Kbira.
Malta ‘Infermiera tal-Mediterran’
Fil-ħafna dokumentarji u wirjiet f’dan l-anniversarju, nissemmew aħna wkoll. Għax Malta f’dik il-gwerra kienet l-‘Infermiera tal-Mediterran’, bil-midrubin tal-gwerra, ħafna mill-Balkani, jinġiebu hawn għall-kura, l-aktar fis-Sacra Infermeria u f’Bigi.
L-Australia Hall għall-konvalexxenza
Il-wirt storiku u militari li għandna minn dak iż-żmien hu qawwi u jinkludi l-Australia Hall li nbniet sena wara l-bidu tal-Gwerra l-Kbira, fl-1915, mill-fergħa Awstraljana tar-Red Cross, biex is-suldati minn pajjiżi tal-Commonwealth, ikollhom il-konvalexxenza tagħhom hawn Malta wara li jiddewwew mill-ġrieħi gravi tagħhom.
Kura lil 125,000 suldat
L-Australia Hall għadha kemm issemmiet anke f’dokumentarju tal-BBC f’dal-jiem dwar il-kura medika li ngħataw f’Malta fil-Gwerra l-Kbira 125,000 suldat.
Xhieda arkitettonika tal-wirt mediku Malti
Illum l-Australia Hall messha qiegħda f’nofs tifkira xierqa tal-Gwerra l-Kbira, tas-sagrifiċċju li għamlu ħafna Maltin ukoll fiha, tal-wirt mediku kbir li għandna f’Malta minn żmien il-Kavallieri, li kienu fil-fatt infermiera, u x-xhieda arkitettonika ta’ dan il-wirt li għandna f’Dar il-Mediterran u fl-Isptar ta’ Bigi li nbena fl-1830.
Storja ta’ mitt sena…
U l-Australia Hall ukoll, binja li sena oħra tagħlaq mitt sena, rahan ta’ tama, tal-ħajja wara l-fejqan mill-ġrieħi gravi tal-gwerra għas-suldati li għall-konvalexxenza tagħhom inbniet; il-fejqan sħiħ anke mit-trawma psikoloġika tal-gwerra.
…ridotta għal żdingar
Imma dan il-post li hu wirt importanti u parti mill-memorja kollettiva mhux Maltija biss, illum hu post żdingat, b’nirien li lanqas saqaf ma ħallewlu, imħolli jiġġarraf mill-Partit Laburista li tah lilu nnifsu f’rigal multimiljunarju biex jinnegozjah.
Il-Labour jagħmel tiegħu biss dak li hu tagħna lkoll
L-Australia Hall mhijiex biċċa propjetà komuni imma hi simbolu preżenti ta’ ħafna elementi li ilhom jikkaratterizzaw lill-Partit Laburista: li ma jagħmel l-ebda differenza bejn dak li hu pubbliku – tagħna lkoll – u dak li hu privat – tiegħu biss; anzi, kif għamel ħafna drabi, dak li hu pubbliku jagħmlu tiegħu biex jinnegozjah.
Insult lill-memorja kollettiva
U f’dal-każ, jinsulta l-memorja kollettiva li Malta messha qiegħda sseddaq inkluż b’dan il-bini u b’oħrajn li huma xhieda tal-elementi tajbin tagħna l-Maltin, fosthom li fl-istorja tagħna lqajna tant tajjeb lil min ġie jżurna għall-fejqan.