Quddiem is-sitwazzjoni instabbli u ta’ kriżi fil-Libja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ippropona li titwaqqaf forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-kontribut tal-Lega Għarbija u tal-Unjoni Ewropea. Simon Busuttil appella lill-Gvern biex jinsisti ħalli titwaqqaf din il-Missjoni għax hu ċar li l-qagħda fil-Libja mhijiex taħt kontroll u għalhekk hemm bżonn ta’ għajnuna speċjalizzata biex il-Libja tirritorna għan-normalità. Il-komunità internazzjonali għandha minnufih tieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà ħalli ma jibqgħux jinqatlu aktar nies intortament.
Il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni qed issir f’perjodu diffiċli għal-Libja, li fih il-pajjiż qed jirriskja li jinqasam bi tmexxijiet differenti, b’fazzjonijiet militari armati jiġġieldu kontra xulxin ħalli jieħdu taħt idejhom żoni kbar tal-pajjiż. Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Gvern Malti biex jieħu l-inizjattiva u jressaq din il-proposta mill-aktar fis possibbli għax is-sitwazzjoni fil-Libja tolqot lil kulħadd, b’mod speċjali lil Malta u lill-Maltin.
Il-Kap tal-PN kompla li Oppożizzjoni qed tkun b’saħħitha u kostruttiva billi qed toħroġ bi proposti serji u konkreti fl-interess tan-nies għax il-komunità internazzjonali għandha tgħin ħalli tissolva din is-sitwazzjoni li lilna l-Maltin tolqotna b’mod qawwi għax aħna daqshekk qrib il-Libja u b’interessi sostanzjali fil-pajjiż. L-uniku mezz li wassal lill-Gvern Maltti biex jitkellem dwar il-kriżi tal-Libja kien b’riżultat ta’ Mozzjoni tal-Oppozizzjoni biex isir Dibattitu Parlamentari.
Sa dak il-mument, sostna l-Kap tal-PN, il-Gvern kien għadu qed jirrifjuta diskussjoni dwar il-Libja, bil-Ministru tal-Affarijiet Barranin jimplika li s-sitwazzoni ma kinitx allarmanti.
//= $special ?>

