Filmat li ħareġ fl-Eġittu u li juri l-ammistratur ta’ istituzzjoni għall-orfni waqt li hu qed isawwat lit-tfal fdati fil-kura tiegħu qanqal rabja kbira fl-istampa Eġizzjana.
Il-filmat ilu min-nhar il-Ħadd jiċċirkola fuq il-mezzi tal-media soċjali u fi żmien ġurnata waħda biss laħaq tella’ aktar minn 20,000 ‘views’ fuq Youtube, minbarra li kiseb ‘il fuq minn 85,000 ‘shares’ fuq Facebook.
Il-każ tant hu jaħraq li l-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al-Sisi, intervjena personalment fil-każ u l-amministratur issa qed jinżamm taħt arrest.
Il-filmat juri lit-tfal li għandhom bejn l-erba’ u s-seba’ snin qed jibku waqt li l-amministratur juża bastun tal-injam biex isawwathom. Mifhum li r-raġel ried jagħtihom ‘piena’ liċ-ċkejknin talli huma kienu xegħlu s-sett tat-televiżjoni u fetħu fridge mingħajr il-permess tiegħu.
Intant, il-mara ta’ dan ir-raġel infurmat lit-Televiżjoni tal-Eġittu li l-filmat kienet ġibditu hi daqs sena qabel u li ‘hi ma setgħetx tibqa’ aktar b’fommha sieket’. Skont din il-mara, ‘żewġha hu tip ta’ bniedem li jsawwat lil kulħadd’ u meta ‘hi stess u uliedha daqu mill-brutalita tiegħu’.
L-orfni li spiċċaw imsawwtin, issa, spiċċaw ittrasferiti għal istitut ieħor , bl-attivisti li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal fl-Eġittu jikkonfermaw li ‘(it-tfal) tant huma ferħanin u jħossuhom daqslikieku kienu illiberati mill-ħabs’.
//= $special ?>

