Il-Partit Laburista qed jipprova jmeri l-istatistika li ħareġ il-Gvern stess fil-Labour Force Survey għall-ewwel kwart tal-2014, li turi ċar li l-paga medja tal-ħaddiema fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista żdiedet biss b’€100. Dan f’kuntrast mal-ħames snin ta’ qabel meta, minkejja dinja f’taqlib ekonomiku kbir, il-paga medja tal-ħaddiema Maltin żdiedet b’€528 fis-sena.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan, il-Gvern stess qed jagħti eżempju ħażin, bil-ħaddiema tal-Enemalta li qed inaqqsilhom id-dħul reali tagħhom. Dan f’kuntrast mal-mara tal-Ministru tal-Enemalta, li qed tiswa lill-bqija tal-ħaddiema €13,000 fix-xahar. Il-ħaddiema f’diversi setturi, fosthom dak tal-bejgħ fil-ħwienet, qed jaraw għafsa fuq il-pagi tagħhom minħabba nuqqas ta’ bejgħ, kif qed jirriżulta miċ-ċifri tal-Gvern stess dwar l-importazzjoni ta’ prodotti għall-konsum.
Il-PN qal li filwaqt li l-ekonomija dinjija issa sejra tajjeb, u suppost li minħabba f’hekk anke l-ekonomija Maltija tmur tajjeb, il-Gvern Laburista żied il-ħaddiema mal-Gvern b’xejn anqas minn 1,800 fl-ewwel sena tiegħu, kif joħroġ ukoll minn statistika tal-Gvern stess. Minn statistika oħra tal-Gvern stess dwar il-finanzi tiegħu, jirriżulta li fit-12-il xahar sal-aħħar ta’ Ġunju żied id-dejn tal-pajjiż b’€439 miljun.
Ikun tajjeb li l-Partit Laburista jispjega l-fatti b’mod ċivili dwar din iż-żieda qawwija fid-dejn u dwar l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema f’sena li fiha kien hu fil-Gvern minflok, bħas-soltu, joħroġ jgħajjar lil min jikkritikah, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>
