Għal sena oħra se jkun qed jiġi organizzat l-“Għaxaq Music Festival”, li din is-sena se jkun qed jara l-parteċipazzjoni ta’ tribute band ta’ Robbie Williams. Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-“Għaxaq Music Festival” ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn thabbar li għal din is-sena l-Festival se jkun mifrux fuq tlett ijiem minflok jumejn.
Il-Festival se jkun qed isir bejn għada u l-Ħamis li ġej fl-Għaxaq Grounds u din hi l-15-il edizzjoni tiegħu. It-tribute band ta’ Robbie Williams, li hi kkunsidrata bħala t-tribute band numru wieħed fid-dinja ta’ dan l-artist internazzjonali, se tkun l-attrazzjoni ewlenija. Il-grupp mużikali se jkun qed iżur Malta u l-“Għaxaq Music Festival” bħala parti minn tour li qed jagħmel bħalissa.
Stephen Attard, mill-Kumitat Organizzattiv tal-“Għaxaq Music Festival”, spjega kif id-dħul għal dawn il-kunċerti hu b’xejn, madankollu se jintlaqgħu donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund. Min-naħa tagħha, ir-rebbieha tal-Junior Eurovision Song Contest Gaia Cauchi, li wkoll se tkun qed tieħu sehem fil-Festival, appellat lill-pubbliku biex jattendi u jagħti l-appoġġ tieghu, b’mod partikolari lill-kantanti lokali.
Sadanittant, sar magħruf li spettakli oħrajn waqt il-Festival jinkludu kunċert minn Tribali u wirjiet minn Federica Falzon u Vincenzo Carni li rebħu l-konkors tar-RAI “Ti Lascio Una Canzone”, is-superstar Taljan Marco Vito li wkoll ippartecipa fl-istess programm u fil-programm “The Voice”, kif ukoll l-orkestra u l-kor “La Voix”.
//= $special ?>