Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern bi strateġija li jeqred lill-Kunsilli Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima t-tħassib tal-PN dwar l-istrateġija li l-Gvern qed iwettaq fil-konfront tal-Kunsilli Lokali u li tista’ twasssal biex dawn jinqerdu. F’laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-pożizzjoni tal-PN quddiem l-isfida li għandhom il-Kunsilli Lokali. Hu kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali David Agius.

Simon Busuttil qal li l-PN kien u jibqa’ jemmen fil-Kunsilli Lokali iżda bħalissa jinsab imħasseb li l-Gvern jidher li għandu pjan li bih il-Kunsilli Lokali jistgħu ma jibqgħux jeżistu. Qal li dan qed isir billi qed jitnaqqsu l-fondi lill-Kunsilli Lokali u issa billi mhux se jsiru l-elezzjonijiet li jmiss tal-Kunsilli. Jekk dawn iż-żewġ elementi jitwettqu, iġibu lill-Kunsilli Lokali rrilevanti, bil-konswegenza li l-Kunsilli ma jkunux jistgħu joperaw.

Simon Busuttil fakkar kif fl-aħħar sena u nofs, il-Gvern Laburista naqqas il-fondi lill-Kunsilli Lokali u qed jippjana li ma jagħmilx l-elezzjonijiet li jmiss minħabba l-flus li dawn l-elezzjonijiet jiswew. Il-Kap tal-PN qal li jidher li l-Gvern għandu pjan li jżarma l-Kunsilli Lokali u sostna li l-pożizzjoni tal-PN hi li l-elezzjonijiet ikunu rispettati ħlief f’okkażjonijiet ta’ eċċezzjoni meta dawn jiġu mal-elezzjoni ġenerali.

Il-PN jmemen li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu msaħħa billi jingħataw aktar riżorsi u billi jsiru aktar bidliet ħalli l-operat tagħhom ikun imsaħħaħ, sostna Busuttil. Hu qal li l-PN lest għal dibattitu dwar il-finanzjament tal-Kunsilli Lokali, fosthom dwar l-introduzzjoni ta’ sistema li biha l-Kunsilli jibbenefikaw minn fondi li jidħlu minn ċerti taxxi li jkunu jolqtu elementi lokali.

Fi tmiem il-laqgħa, akkumpanjat ukoll mis-Sindku ta’ Ħal Lija Magda Magri Naudi, il-Kap tal-Oppożizzjoni żar it-Torri li hemm quddiem il-Knisja u ngħata informazzjoni dwar l-istat li dan it-Torri stoirku jinsab fih. Is-Sindku ta’ Ħal Lija spjegat lill-Kap tal-PN l-impenn tal-Kunsill li jirrestawra dan it-Torri.