Id-deċiżjoni li fi Triq l-Imdina, fuq barra tat-triq li tagħti lejn Ta’ Qali, jitwaħħlu sett traffic lights ġodda qed tqajjem rabja fost dawk kollha li jkunu telgħin lejn ir-Rabat u Ħad-Dingli jew neżlin fid-direzzjoni l-opposta. Dan hekk kif dawn it-traffic lights qed ikunu kawża ta’ traffiku li qed jinġema, anke f’ħinijiet fejn soltu din it-triq prinċipali tkun kważi vojta.
Agħar minn hekk, qed ikun hemm mumenti fejn il-karozzi jieqfu jistennew it-traffic lights jaqilbu fuq l-aħdar għalxejn għax minn Ta’ Qali ma tkun ħierġa l-ebda karozza. Dan minbarra li karozzi li minn din it-triq qabel kienu jaqsmu lejn Ta’ Qali, issa qed ikollhom ikomplu jsuqu biċċa oħra u jduru mar-roundabout li tinsab ftit iktar ‘il fuq. Dan wassal biex bosta sewwieqa qed jaqbdu u jaqsmu xorta lejn Ta’ Qali direttament, b’periklu għalihom u għal sewwieqa oħrajn.
Dawn l-arranġamenti ġodda tat-traffiku qanqlu numru kbir ta’ lmenti minn persuni li ddeskrivew din id-deċiżjoni bħala waħda li ma tagħmilx sens. Spjegaw kif damu madwar 20 minuta biex mis-Saqqajja qabżu l-lights biex imbagħad it-triq kienet vojta. Tant hu hekk li persuna oħra qalet li damet aktar biex mir-Rabat qabżet il-lights milli biex waslet il-Belt. Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat Ian Vassallo ressaq ilment formali f’korrispondenza li bagħat lil Transport Malta u lill-Ministru responsabbli mit-Trasport Joe Mizzi.
Fl-email, Vassallo spjega kif din id-deċiżjoni qed twassal għal problemi kontinwi, fosthom kjuwjiet twal li xi kultant ilaħħqu l-25 minuta. Kompla li s-sitwazzjoni mistennija tkompli tiggrava meta tibda l-Iskola, hekk kif din it-triq prinċipali tintuża’ mill-maġġoranza tar-residenti ta’ Ħad-Dingli, ir-Rabat, l-Imdina u l-madwar.
Fl-email tiegħu, Ian Vassallo talab lill-awtoritajiet konċernati biex dawn it-traffic lights jiġu ttestjati b’timings differenti biex b’hekk sewwieqa li mir-Rabat ikunu sejrin lejn Ħ’Attard jew viċi versa jingħataw iktar ħin biex jgħaddu jew inkella jitneħħew għal kollox. Minkejja li s’issa għaddew sitt ijiem mindu ntbagħtet din l-email, Vassallo għadu sal-lum ma rċieva l-ebda risposta la mingħand il-Ministru Joe Mizzi u lanqas mingħand Transport Malta.
Dwar dan il-każ ukoll, fid-29 ta’ Lulju li għadda tressqet Mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg lill-Ministru Joe Mizzi. Fiha, hu talbu jieħu azzjoni minnufih biex Transport Malta teżamina mill-ġdid l-iskop ta’ dawn it-traffic lights u jekk hemmx bżonn jiġu mmexxija jew eliminati. Madankollu, minkejja li tressqet din il-Mistoqsija Parlamentari, il-Gvern baqa’ ma għamel xejn biex isolvi l-problema.
//= $special ?>