Edukazzjoni Lokali

L-ebda ħjiel dwar x’se jiġri mill-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-ITS

Għadu ħadd ma jaf x’se jiġri bil-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), li issa ilha vakanti ferm. Mistoqsi għalfejn dan id-dewmien biex tittieħed deċiżjoni, waqt l-ewwel laqgħa tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis mal-Bord il-ġdid tal-ITS, il-Ministru qal li hu konxju ta’ dan u se jindirizza l-problema mingħajr ma ta ebda tweġiba konkreta ta’ x’se jiġri.

Il-kariga issa ilha vojta għal kważi seba’ xhur, wara li f’Jannar il-Gvern ma ġeddidx il-kuntratt ta’ Adrian Mamo. Minfloku, s’issa għadu ma nħatar ħadd f’din il-kariga, minkejja li hi wahda mill-aktar żewġ karigi importanti fit-tmexxija, flimkien ma’ dik taċ-Chairman tal-Bord tal-ITS. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ħabbar il-Bord il-ġdid tal-ITS, immexxi miċ-Chairman Paulino Schembri. Dan wara li sena biss wara li kien inħatar Chairman tal-ITS, Ernest Azzopardi irriżenja mill-kariga.

Għalkemm ir-raġuni wara din ir-riżenja għadha mhix magħrufa, informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tindika li bħalissa l-ITS qed jiffaċċja diversi problemi interni u ta’ organizzazzjoni b’diżgwid bejn klikek differenti fit-tmexxija tal-Istitut. Il-ħatra ta’ Ernest Azzopardi kienet saret fl-24 ta’ April 2013, minn tal-ewwel mill-Gvern Laburista wara l-elezzjoni li għaddiet. Dan hu każ ieħor ta’ persuni magħżula biex imexxu awtoritajiet tant importanti, li iżda spiċċaw irriżenjaw wara biss perjodu qasir fil-bidu tal-leġiżlatura.

Dawn ir-riżenji qed iġibu instabbiltà f’diversi entitajiet tal-Gvern, fosthom f’dan il-każ, f’istituzzjoni edukattiva importanti li suppost tħarreġ persuni għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità li joffri pajjizna lil min jiġi jżuru.