Grazzi għar-rebħ ta’ total ta’ 174 midalja, 58 minnhom tad-deheb, l-Ingilterra kienet l-aktar pajjiż li rebħet midalji waqt il-Logħob ta’ din is-sena li saru fil-belt ta’ Glasgow fl-Iskozja u li ġew fi tmiemhom tard il-Ħadd filgħaxija. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 28 sena li l-Ingilterra spiċċaw fil-quċċata.
Dawn il-Logħob damu sejrin 11-il jum u fit-tieni post tal-klassifika tal-midalji spiċċaw l-Awstralja li rebħu 137 midalja, 49 minnhom tad-deheb. Malta, waqt dawn il-Logħob kienet rappreżentata minn 27 atleta f’disa’ dixxiplini differenti.
L-Iskozja spiċċaw fir-raba’ post fil-klassifika tal-midalji b’19-il midalja tad-deheb u total ta’ 53 midalja. Qatt fl-istorja tal-Iskozja ma dan il-pajjiż kien rebaħ daqstant midalji waqt il-Logħob tal-Commonwealth. L-għawwiema tagħhom, Davies, li għad għanda 13-il sena saret l-aktar atleta żgħira fl-istorja li qatt rebħet midalja waqt il-Logħob hekk kif rebħet il-bronz.
Din l-edizzjoni fissret it-tmiem tad-dominju ta’ New Zealand fir-rugby. Dawn tilfu għall-ewwel darba logħba fil-Logħob tal-Commonwealth meta fil-finali għall-midalja tad-deheb ġew megħluba mill-Afrika t’Isfel.
Tard il-Ħadd saret iċ-ċerimonja tal-għeluq f’Hampden Park, ċerimonja li għaliha attendew madwar 40 elf persuna. Waqt iċ-ċerimonja kantaw diversi kantati u gruppi popolari bħal ma huma Kylie Minogue, Lulu u Deacon Blue. Iċ-ċerimonja fissret it-tmiem ta’ vjaġġ twil għall-belt ta’ Glasgow fl-Iskozja, vjaġġ li beda fid-9 ta’ Novembru tal-2007 meta dakinhar il-belt rebħet id-dritt li torganizza dawn il-Logħob. Mis-17-il dixxiplina li saru fi Glasgow, il-Judo se jitneħħa mill-edizzjoni ta’ erba’ snin oħra.
S’issa għadu mhux magħruf jekk hux dan l-isport se jerġa’ jkun inkluż fil-programm tal-2022.
L-edizzjoni li jmiss issir erba’ snin oħra fl-Awstralja.
//= $special ?>

