Leanne Camilleri, li ammettiet fil-Qorti li ħadet ġurament falz dwar missierha meta qalet li kien abbuża sesswalment minnha, ikkonfermat l-ammissjoni tagħha fil-Qorti. Min-naħa tagħha, il-Qorti ma laqgħetx talba mill-Avukat ta’ omm Leanne biex isirilha eżami psikoloġiku. Meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Leanne Camilleri, li llum għandha 20 sena, qed tiġi mixlija b’ġurament falz wara li kienet tressqet il-Qorti b’ċitazzjoni ġimgħa ilu u ammettiet l-akkuża miġjuba kontriha. Wara li kienet ngħatat ġimgħa żmien biex tikkunsidra mill-ġdid l-ammissjoni tagħha, it-tfajla kkonfermat l-ammissjoni.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, illum l-Avukat Martin Fenech, li qed jidher ħala parti ċivili għal omm Leanne, li allegatament kienet hi li ġiegħlet lil bintha tidgeb dwar missierha, għamel Rikors fejn fakkar li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li quddiemha nstemgħet l-Inkjesta dwar il-każ, kienet għamlet rakkomandazzjoni li jsir eżami psikoloġiku fuq it-tifla. L-Avukat ta’ Leanne, Maxeline Pace, qalet li mhix Psikologa iżda lill-imputata tafha sew u ma tħossx li hemm il-ħtieġa li t-tfajla tkompli għaddejja minn martirju. “[Leanne] Camilleri ammettiet u dan għandu jittieħed bħala stat ta’ fatt mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċeduri ġodda”, qalet Pace.
L-Ispettur Sandro Micallef, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, qabel mad-Difiża u qal li ammissjoni min-naħa tat-tfajla saret kemm-il darba. L-Avukat Tonio Azzopardi, li qed jidher għall-missier, Emmanuel Camilleri (ritratt), qal li la hu u lanqas Emmanuel ma għamlu kuntatt ma’ Leanne u għalhekk ma jistax ikun li kienet influwenzata minnhom. “F’dan ix-xenarju, hi l-Avukat Difensur biss li tista’ titkellem dwar it-tfajla u mhux ħaddieħor”, qal Azzopardi. L-Avukat Martin Fenech reġa’ tenna li hu mhux konvint mill-ammissjoni tat-tfajla u qal li jaraha stramba kif il-klijenta tiegħu tressqet il-Qorti b’arrest, filwaqt li bintha tressqet b’ċitazzjoni.
Fenech staqsa jekk hemmx xi ftehim għaddej u tenna li fl-Inkjesta l-Maġistrat kienet ordnat li t-tfajla tingħata għajnuna psikoloġika. L-Avukat Pace wieġbet billi qalet li t-tfajla qed tipprova tagħlaq kapitlu minn ħajjitha, filwaqt li l-parti ċivili qed tipprova ttawwal. Hi ċaħdet li hemm xi ftehim, kif allegat mill-Avukat Fenech. Il-Maġistrat Clarke qalet li t-talba tal-Avukat Fenech mhijiex ġustifikata u ċaħditha.
Il-kumpilazzjoni se tkompli l-Erbgħa, 27 ta’ Awwissu.
//= $special ?>

