Futbol Sport

Nasri se jirtira minn man-nazzjonal

Il-midfielder Franċiż Samir Nasri żvela li mhux se jibqa’ jilgħab mat-tim nazzjonali. Nasri, plejer ta’ Manchester City tħalla barra mit-tim li ftit ilu ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja u kienu ħafna dawk li ikkritikaw din id-deċiżjoni tal-kowċ Didier Deschamps, anke jekk it-tim ħalla impatt pożittiv fil-Brażil.

“Iddeċidejt. Ilni li iddeċidejt imma xtaqt inħabbar id-deċiżjoni f’ħin li jkun xieraq. Jien ma irbaħt xejn ma’ Franza u b’hekk kienet aktar faċli għalija biex niddeċiedi li ma nkomplix. Meta tilgħab ma’ klabb kbir bħal ma hu dak ta’ Man City u tilgħab logħba kważi kull tlett ijiem hu faċli biex tiddeċiedi li tieqaf u tiffoka biss fuq il-klabb,” qal Nasri.

Nasri qal li l-fatt li ma ħax sehem fit-Tazza tad-Dinja se jgħinu biex ikun aktar frisk minn plejers oħra fl-istaġun li ġej. Nasri, li għandu 27 sena lagħab 41 darba ma’ Franza u skurja ħames gowls.
Ftit ġimgħat oħra jingħata bidu għall-kampjonat Ingliż u ċ-champions Manchester City se jibdew jiddefendu t-titlu bil-logħba barra minn darhom kontra Newcastle. Barra minn hekk, nhar il-Ħadd li ġej Man City jilagħbu fil-finali taċ-Charity Shield kontra Arsenal, rebbieħa tal-FA Cup.