Lokali

Nirien f’ristorant bieb ma’ bieb mal-Missjoni Permanenti ta’ Malta għan-NU

Ir-Rappreżentanza Maltija fin-Nazzjonijiet Uniti ntlaqtet minn nirien li ħakmu ristorant tas-sushi, li jinsab bieb ma’ bieb mal-bini tar-Rappreżentanza. Il-każ seħħ il-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tal-11am, bi stqarrija mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tgħid li għalkemm il-każ ħalla impatt fuq ix-xogħol tal-Missjoni Permanenti Maltija dakinhar, din kienet f’pożizzjoni li llum terġa’ tassumi x-xogħol tagħha minħabba li ma rriżultawlhiex ħafna danni strutturali.

L-istqarrija qalet ukoll li minkejja li n-nar infirex fil-bini tar-Rappreżentanza Maltija, dan ma ġarrabx ħsarat estensivi, minkejja li l-ħsarat iridu jiġu analizzati fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin. Ingħad ukoll li l-ebda Uffiċjal Diplomatiku u lanqas persuni oħrajn ingaġġati fir-Rappreżentanza Maltija ma korrew fl-inċident, hekk kif ittieħdet kull prekawzjoni biex tiġi salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Fl-istqarrija, il-Missjoni Permanenti rringrazzjat lis-servizzi tad-Dipartiment tan-Nar fil-Belt ta’ New York, kif ukoll lid-Dipartiment tal-Pulizija tal-istess Belt, l-Aġenti tas-Sigurtà Diplomatika u l-Uffiċċju Internazzjonali fl-Uffiċċju tas-Sindku ta’ New York. Ingħata ringrazzjament ukoll lil servizzi oħrajn ta’ emerġenza li taw l-assistenza u l-koperazzjoni tagħhom waqt in-nirien. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru rringrazzja wkoll lill-istaff kollu tal-Missjoni Permanenti għall-azzjonijiet f’waqthom li ttieħdu waqt il-każ.