It-tim neo-promoss ta’ Pieta` Hotspurs rebaħ il-Malta Summer Cup meta fil-finali għeleb lil Mosta bi skor ta’ 3-1. Il-logħba intlagħbet tard il-Ħadd filgħaxija fil-Luxol Stadium.
Gabriel SILVA poġġa lil Pieta` fil-vantaġġ wara biss 11-il minuta u bir-reazzjoni tal-Mostin ma tasalx kien Rafael XAVIER li għamel l-iskor 2-0 fis-27 minuta. Madwar kwarta mill-bidu tat-tieni taqsima l-istess SILVA żied mal-iskor għal Pieta u l-gowl ta’ konsolazzjoni ta’ Mosta skurjah Daniel Mariano BUENO.
Wara li intemmet il-finali Noel Zammit ta’ The Convenience Shop ippreżenta t-trofej tar-rebbieħa u tar-runners-up lil Pieta` u Mosta rispettivament.
Intant, fil-logħba għat-tielet post Żebbuġ Rangers, ukoll tim neo-promoss għeleb lil dak ta’ Balzan 2-1. Matias MUCHARDI poġġa lil Żebbuġ fuq quddiem wara biss erba’ minuti. Balzan kellhom jistennew sat-tieni taqsima biex ġabu d-draw u kien l-akkwist il-ġdid Oscar GUERRERO li għamilhom 1-1. Fil-71 minuta Żebbuġ ingħataw penalty imma Mauricio Osmar Rodrigues Britto falla mill-11-il metru. Madankollu, minuta mit-tmiem l-istess BRITTO skurja l-gowl deċiżiv.
Vittoriosa Stars rebħu l-unur tal-Fair Play filwaqt li Bojan Kaljevic ta’ Mosta spiċċa bħala l-aqwa skorer.
//= $special ?>

