Ekonomija

Qligħ qabel it-taxxa ta’ €40 miljun għall-HSBC Bank Malta

Il-kumpanija HSBC Bank Malta plc irreġistrat qligħ qabel it-taxxa ta’ €40 miljun għall-ewwel sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju, meta mqabbel mat-€53 miljun tal-istess perjodu fl-2013. Din il-prestazzjoni, li kienet aħjar mill-prestazzjoni li l-Bank kellu fit-tieni nofs tal-2013, intlaqtet prinċiparjament minn dħul mill-imgħaxijiet aktar baxx b’riżultat tar-rati tal-Bank Ċentrali Ewropew, li kienu fl-aktar livell rekord baxx, minn rata ta’ tkabbir tas-self pjuttost anqas, kif ukoll minħabba żieda fl-ispejjeż b’riżultat tal-compliance investment u wara żieda fil-ħlasijiet regolatorji. Barra minhekk, il-prestazzjoni tal-2013 ibbenefikat minn qligħ ta’ darba mill-assigurazzjoni, li ma kienx repetut fl-ewwel nofs tal-2014.

Id-dħul nett minn imgħax naqas għal €58 miljun meta mqabbel mal-€64 miljun fl-istess perjodu tal-2013. It-tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax jirrifletti tnaqqis fl-imgħax miksub fuq l-investimenti, hekk kif id-dħul minn bonds li jrendu aktar immaturaw u kienu investiti mill-ġdid b’rati ta’ imgħax li f’dak il-perjodu kienu aktar baxxi. Imgħax anqas kien miksub fuq medja mnaqqsa tal-bilanċi tas-self. It-tnaqqis fid-dħul minn imgħax kien parzjalment ikkumpensat bi tnaqqis fl-ispejjeż tal-fondi, li rriżulta mill-fatt li l-klijenti għażlu depożiti aktar aċċessibbli u fuq perjodu aktar qasir.

HSBC Life Assurance (Malta) Ltd iġġenerat qligħ qabel it-taxxa ta’ €6 miljun meta mqabbel mat-€8 miljun fl-ewwel nofs tal-2013. Ir-riżultati fl-2013 kienu bbenefikaw minn with-profits modelling reserves release ta’ darba, li ma kinitx ripetuta fl-ewwel nofs tal-2014. Kien irrappurtat dħul nett ta’ €2 miljun fuq disponimenti ta’ available-for-sale securities fl-ewwel sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2014, imqabbel ma’ dħul nett ta’ €4 miljun irreġistrat fl-istess perjodu fl-2013.

L-ispejjeż tal-operat, li ammontaw għal €46 miljun, kienu €2 miljun (4%) ogħla mill-ewwel nofs tal-2013 minħabba żieda fil-compliance investment u ħlasijiet regolatorji. Apparti dawn, l-ispejjeż kienu kkontrollati tajjeb u kienu marġinalment anqas meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2013, hekk kif qed isir xogħol sinifikanti fuq in-negozju biex jilħaq livelli ogħla ta’ effiċjenza.

Il-proviżjoni netta għall-indebolimenti ta’ €1 miljun kienet marġinalment ogħla mill-2013, hekk kif is-sena ta’ qabel ibbenefikat minn numru ta’ rkupri. Il-kwalità inġenerali tal-assi baqgħet aċċettabbli, b’persentaġġ għoli ta’ siġurtà tanġibbli marbuta mal-portfolio inġenerali tas-self. Is-self lill-klijenti kien ta’ €3,287 miljun, jiġifieri €14-il miljun anqas meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2013. Id-domanda għas-self tibqa’ inkuraġġanti u s-self gross ġdid lill-klijenti ammonta għal €518 miljun meta mqabbel mal-€474 miljun fl-2013. Dan jirrifletti l-appoġġ kontinwu tal-Bank għall-ħolqien ta’ attività ekonomika ġdida.

Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’€31 miljun għal €4,549 miljun u juru varjazzjonijiet normali fid-depożiti korporattivi u istituzzjonali. Il-portfolio tal-investimenti available-for-sale tal-Bank għadu konservattiv u diversifikat sew.

F’kumment dwar dawn ir-riżultati, id-Direttur u l-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta Mark Watkinson qal li l-Bank qed ikompli jinvesti fil-franchise tiegħu u t-tkabbir tan-negozju kummerċjali u tar-retail jidher aktar inkuraġġanti milli qatt kien dan l-aħħar, għalkemm ir-rati baxxi tal-imgħax jippreżentaw sfidi fihom infushom. Qal li l-Bank jibqa’ fiduċjuż fl-opportunitajiet għat-tkabbir u, bħala parti minn wieħed mill-akbar gruppi bankarji fid-dinja, HSBC Malta jinsab f’pożizzjoni tajba biex jassisti lill-klijenti jkollhom aċċess għal uħud mill-aktar swieq promettenti fid-dinja. Hu rringrazzja lill-istaff, lid-Diretturi u lill-azzjonisti tal-impenn, ix-xogħol u l-appoġġ tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2014.

Sadanittant, il-Bord iddikjara interim gross dividend ta’ 4.5ċ għal kull sehem (2.9ċ netti wara t-taxxa). Dan jitħallas fl-4 ta’ Settembru 2014 lill-azzjonisti rreġistrati fuq il-ktieb tal-Bank sal-14 ta’ Awwissu 2014.