Siegħa wara li l-Gvern iħabbar li huwa nieqes, iċempel lil ħuh u jgħid li huwa f’kundizzjoni tajba
Roger Muscat ta’ 49 sena residenti San Pawl il-Baħar, li telaq minn Malta lejn il-Libja fil-21 ta’ Lulju li għadda, ġie rrappurtat nieqes il-Ħadd li għadda.
F’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b’urġenza f’Kastilja llum waranofsinhar, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar qal lill-mezzi tax-xandir li ħu Roger Muscat il-Ħadd għamel rapport fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ġimagħtejn wara li Roger telaq minn Malta. Min-naħa tagħhom il-Pulizija kkomunikaw dan maċ-Ċentru ta’ Kriżi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Ħu Muscat qal lill-pulizija li Roger mar il-Libja fil-21 ta’ Lulju fuq xogħol, madanakollu mhux ċar ma’ liem kumpanija huwa mar jaħdem minħabba li skont l-aħħar sorsi huwa mar jagħmel dan fuq prova.
Minn dakinhar ma reġgħux semgħu b’aħbaru. Cutajar żied jgħid li Muscat ma telaqx minn Malta bl-ajru. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b’urġenza, Cutajar qal li hu mifhum li mar il-Libja permezz tal-baħar u mhux magħruf jekk Muscat inħatafx. S’issa m’hemm l-ebda grupp jew fazzjoni li ġadet ir-responsabbilita’ tal-ħtif tiegħu qal Cutajar waqt il-konferenza tal-bieraħ. Barraminnhekk, s’issa ma hemm l-ebda informazzjoni li nħatfet xi persuna Maltija.
Il-kelliem għall-Gvern qal ukoll li Muscat għad għandu impjieg f’Malta bħala xufier mat-trasport pubbliku.
L-aħħar sinjali minn fuq il-mowbajl tiegħu kienu fit-23 ta’ Lulju u kien fit-territorju Libjan. Madanakollu ma kien hemm l-ebda rapporti li Roger Muscat deher fuq l-art.
Mistoqsi x’ser jagħmel il-gvern dwar il-possibbilita’ ta’ evakwazzjoni mil-Libja, Mario Cutajar qal li l-gvern jinsab ippreparat biex jevakwa, iżda s’issa ma jħossx il-bżonn li jagħmel dan. Hu sostna li l-ebda pajjiż Ewropew ma ħabbar li se jevakwa.
Din l-aħbar qed tiġi żvelata ftit jiem wara li Martin Galea ta’ 39 sena inħataf fil-Libja u nżamm mill-milizzji ribelli fil-punent tal-pajjiż. Martin Galea li jaħdem bħala Inġinier mal-kumpanija tal-gass Nageco, inħataf hekk kif kien sejjer għax-xogħol fil-periferija tal-kapitali Libjana Tripli.
Dwar dak il-ħtif saret kritka qawwija għall-fatt li l-aħbar ma ngħatatx pubbliċita’u ħarġet fil-pubbliku minn gazzetta lokali minflok stqarrija uffiċjali tal-gvern. Kelliem għall-gvern kien l-aħjar parir għas-saħħa tal-persuna kien li ma tingħatax informazzjoni.
Issa jidher li l-Gvern biex ma jirrepetix dan l-iżball għaġġel u ħareġ l-aħbar minufih. Filfatt f’inqas minn siegħa minn meta l-Gvern ħareġ l-aħbar li Muscat kien irrappurtat li huwa nieqes, Roger iċempel lil ħuh biex jgħarrfu li jinsab f’kundizzjoni tajba ħafna.
//= $special ?>
