Persuna jew persuni mhux magħrufa dawwru reservoir vojt tal-ilma f’Ta’ Qali għal nassa kbira għall-għasafar kbar. Fi stqarrija, l-għaqda CABS qalet li voluntiera tagħha sabu din in-nassa kbira s-Sibt waranofsinhar meta kienu qed isegwu apparat li jagħmel ħsejjes bħal ta’ għasafar kbar protetti. It-tfittxijiet mill-voluntiera ta’ CABS wasslu għal bokka kbira 40m x 20m, li fil-qiegħ tagħha kien hemm ħames xbieki vertikali u anke nasbiet tal-plastik madwar għadira żgħira tal-ilma.
CABS qalet li dan kien biss wieħed minn 10 siti ta’ nsib illegali li nstabu fl-aħħar ġimgħa u li żżarmaw f’ħidma minn membri tal-Korp tal-Pulizija. Il-Wildlife Crime Officer ta’ CABS Fiona Burrows qalet li din il-ħidma mill-għaqda hi mportanti għax dawn is-siti qed jimponu theddida għall-għasafar u annimali selvaġġi oħrajn li jispiċċaw jinqabdu min-nases. Fl-istqarrija, CABS qalet li mill-anqas ħames persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dawn is-sejbiet, hekk kif 11-il għasfur protett ittieħed ħaj lejn ir-Riżerva Naturali tal-Għadira.
(Ritratt: Sit illegali ta’ nsib li nstab f’Binġemma il-Ħamis li għadda.)
//= $special ?>

