Lokali

Sentenza sospiża ta’ priġunerija wara sejba ta’ xorb alkoħoliku bil-kutrabandu

Sejba ta’ ammont sostanzjali ta’ xorb alkoħoliku li ddaħħal f’Malta bil-kutrabandu wasslet biex żewġ irġiel Taljani tressqu b’urġenza l-Qorti u ngħataw sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €11,172.84 kull wieħed. Barra minhekk, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tax-xorb kollu u anke tal-vann li ntuża’.

Ix-xorb alkoħoliku nstab minn Uffiċjali tad-Dwana Maltija f’ħidma li saret matul tmiem il-ġimgħa. Ix-xorb kien qed jinġarr f’vann minn Sqallija u wasal Malta permezz ta’ katamaran flimkien ma’ oġġetti oħrajn. Il-każ beda minn spezzjoni li saret minn Uffiċjali tal-VAT wara li rriżulta li l-merkanzija kienet qed tkun imqassma miż-żewġ irġiel f’diversi ristoranti mingħajr ma jitħallas id-dazju dovut.

Mas-sejba, l-irġiel ngħaddew f’idejn il-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin ukoll min-naħa tal-Uffiċjali tad-Dwana.