Lokali

Studenti Għawdxin urtati bit-tibdil fl-iskema “Work Trial Scheme For Youths”

Matul dawn l-aħħar snin, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) dejjem kienet tipprovdi skemi li permezz tagħhom l-istudenti setgħu jirċievu taħrig partikolari kif ukoll jagħmlu perjodu ta’ esperjenza ta’ xogħol bħala apprentistat fix-xhur tas-Sajf. Fis-snin l-imgħoddija, din l-iskema kienet tinkludi perjodu ta’ tmien ġimgħat xogħol u ħlas ta’ €600 fl-aħħar tas-Sajf.

L-iskema kienet tirrikjedi lill-istudenti-ħaddiema jaħdmu fuq bażi ta’ 20 siegħa fil-gimgħa, li kienu jiġu rrekordjati fuq timesheets apposta pprovduti mill-ETC. Din is-sena wkoll, l-ETC ipprovdiet l-istess skema, iżda b’tibdiliet sostanzjali wara li l-istess skema kienet diġà ppubblikata u ħafna studenti applikaw għaliha.

Fl-applikazzjoni kien hemm stipulat fiċ-ċar li l-istudenti kellhom jaħdmu tmien ġimgħat sħaħ mill-21 ta’ Lulju u jitħallsu €600 fl-aħħar tas-Sajf. Biss, għal ragunijiet li ħadd għadu ma jaf, ftit qabel ma l-iskema kellha tibda, l-ETC bagħtet ittra tinforma lill-applikanti li minflok tmien ġimgħat, din is-sena kienu se jaħdmu erba’ gimgħat bi ħlas ta’ €300 fl-aħħar tas-Sajf. Madankollu, il-fatt li l-ħlas kien se jonqos bi €300 qatt ma kien imsemmi fl-ittra mibgħuta mill-ETC.

Fi stqarrija, il-Kumitat Regjonali tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex ikkundanna din id-deċiżjoni tal-ETC u qal li ħafna studenti Għawdxin jinsabu urtati bit-tibdil fl-iskema, magħrufa aħjar bħala l-“Work Trial Scheme for Youths”. Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex staqsa għalfejn sar dan it-tibdil, min kien involut fit-tibdil u fuq kollox min ħa d-deċiżjoni finali biex l-iskema oriġinali tinbidel.

L-istudenti ħaqqhom ħafna aħjar minn hekk, tgħid l-istqarrija tal-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex.